Il-Kunsill tas-Siġġiewi kontra l-bini ta’ rziezet f’ San Niklaw

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qed joġġezzjona mal-MEPA, kontra l-proposta tal-Gvern biex jinbnew 12-il razzett fiż-żona ta’ San Niklaw fil-limiti tas-Siġġiewi.
Fi stqarrija l-Kunsill Lokali qal li pparteċipa b’mod sħiħ fid-diskussjoni dwar din l-applikazzjoni u oġġezzjoni sa mill-Lulju tal-2012 meta unanimament oġġezzjona għall-iżvilupp.
Fost l-argumenti li qed ipoġġi l-Kunsill hemm il-fatt li jista’ jkun hemm irwejjaħ ikkawżati mill-ammont ta’ baqar li se jkunu qed jitrabbew f’dawn l-irziezet.
Il-Kunsill qed jisħaq ukoll li dan jista’ jkollu impatt viżwali negattiv kemm minħabba l-bini tal-irziezet infushom imma anke minħabba l-bini tal-faċilitajiet marbuta magħhom.
L-istqarrija tgħid li anke d-Dar tal-Providenza tista’ tkun affetwata għax tinsab biss 800 metru ‘l bogħod minn fejm qed ikun propost l-iżvilupp.
Il-MEPA mistennija tieħu d-deċiżjoni llum wara nofsinhar u waqt is-seduta l-Kunsill tas-Siġġiewi se jkun qed jispjega l-oġġezzjonijiet tiegħu.