Il-Kunsill tas-Siġġiewi jgħid li għandu jitkompla l-ġemellaġġ ma’ Vittoria

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ma jarax raġuni għalfejn għandu jintemm il-ġemellaġġ bejn il-belt tas-Siġġiewi u dik ta' Vittoria fi Sqallija.

Dan wara li bosta Kunsilli Lokali Sqallin, fosthom is-Sindku tal-belt ta’ Vittoria, jinsabu urtati bil-mod kif ġew tratti s-sajjieda Sqallin li ġew arrestati f’Malta talli kienu qed jistadu f’ibħra territorjali Maltin.  Is-sajjieda qed jallegaw li ġew trattati ħażin mis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Is-Sindku ta’ Vittoria, Giuseppe Nicosia irid li s-sajjieda jingħataw kumpens u ddeskriva l-atteġjament tal-Awtoritajiet Maltin bħala wieħed militari. Nicosia saħaq li jekk ma jinstabx rimedju ma jarax għaliex il-belt ta’ Vittoria tkompli bil-ġemellaġġ mas-Siġġiewi.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina jisħaq li l-imsemmi inċident m'għandu jħassar xejn mir-relazzjonijiet tajbin li jeżistu bejn iż-żewġ ibliet u fisser kif is-Siġġiewi jibqa' lest li jassisti liċ-ċittadini ta' Vittoria fi spirtu ta' ħbiberija li teżisti bejn iż-żewġ komunitajiet u dejjem b'rispett sħiħ tal-liġijiet ta' pajjiżna.

Aquilina jappella biex f'dan il-mument jirbaħ fuq kollox is-sens ta' kooperazzjoni reċiproka u ħbiberija li dejjem eżista bejn Malta u l-Italja kif ukoll bejn l-ibliet tas-Siġġiewi u Vittoria.