Il-Kunsill tar-Rabat joġġezzjona għal bini f’Wied t’Għeriexem

PA

Read in English.

Il-Kunsill Lokali tar-Rabat qed joġġezzjona għal żewġ applikazzjonijiet f’Wied t’Għeriexem li bħalissa qed jiġu kkunsidrati mill-Awtorita tal-Ippjanar. 

Fi stqarrija, il-Kunsill ddeskriva kif l-ewwel applikazzjoni (PA4318/20) tinkludi t-twaqqigħ ta’ binja u li terġà tinbenà mill-ġdid b’pixxina, pump-room, ġibjun tal-ilma u ħitan tas-sejjiegħ. Xi żoni se jerġgħu jimtlew bil-ħamrija. Ċertu siġar ta’ speċi aljeni eżistenti qed jiġu proposti biex jiġu sostitwiti bi speċi endemiċi.

It-tieni applikazzjoni (PA5289/20), tirreferi għall-bidliet relatati mal-użu tas-sit u l-kostruzzjoni tal-ħajt tal-konfini. Huma proposti stalel għaż-żwiemel, faċilitajiet anċillari u ġibjun. Il-proposta tinkludi t-tneħħija ta’strutturi ħfief eżistenti u ċnut u tinkludi kostruzzjoni ta’ ħitan tas-sejjieħ għad-delinjazzjoni tal-proprjetà.

Il-Kunsill qed joġġezzjona minħabba li:

  • Il-Wied t’Għeriexem huwa kkunsidrat ta’ natura importanti kulturali u rurali. Dan il-Wied huwa skedat minħabba l-fatt li huwa fiż-żona tal-Imdina u bħal kull żona fir-Rabat għandu preġju arkeoloġiku.
  • Il-Wied t’Għeriexem huwa buffer-zone bejn ir-Rabat u l-Imtarfa u preċedent bħal dan jista jwassal għal aktar binjiet f’dan il-Wied.
  • Permess għal dan it-tip ta’ żvilupp jitlob li jrid ikun hemm provi ta’ residenza, xi ħaġa li fi struttura bħal din (4318/20) ma setgħax kien hemm minħabba nuqqas ta’ servizzi infrastrutturali.
  • Fl-applikazzjonijiet ma hemmx prova ta’ dritt li jużaw il-passaġġi komuni.
  • Rigward l-istalel dawn għandom ikunu 100 metru ’l bogħod mil-bini u 100 metru’l bogħod min-nixxiegħa tal-ilma, xi ħaġa li din l-applikazzjoni (5289/20) qed tikser.

Għalhekk bħala Kunsill qed joġġezzjona kontra dawn iż-żewġ applikazzjonijiet biex jissalvagwardjaw l-ambjent natural ta’ dan il-Wied u ta’ Widien oħra li jinsabu fil-lokalità tar-Rabat.