Il-Kunsill tal-Qala jieħu €57,000 mill-proġett tar-reverses osmosis

Ġie approvat ir-reverse osmosis ġdid f’Għawdex li se jieħu post distillerija f’Ħondoq ir-Rummien fil-Qala. Dan il-proġett għandu jitlesta f’sentejn u jibda jitħaddem f’Marzu 2021.

Il-permess ingħata suġġett għal planning gain lill-Kunsill Lokali tal-Qala bis-somma ta’ €57,000 u assigurazzjoni li l-post ikun aċċessibbli għal persuni b’diżabiltà.

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg irrappreżenta lill-Kunsill Lokali u qal li kien favur il-proġett suġġett għal Planning Gain.

Fl-istess laqgħa il-membri tal-Bord ma qablux mal-applikant tal-Korporazzjoni dwar ir-rati li se tagħti lill-Kunsill Lokali fuq bażi ta’ Planning Gain. Oriġinarjament il-Kunsill kien qed jitlob l-ammont ta’ €100,000 iżda l-Korporazzjoni kienet qed toffri l-massimu ta’ €10,800.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Marthese Portelli saħqet li s-somma ta’ €10,800 hija inadegwata minħabba l-inkonvenjent li se joħloq il-proġett għar-residenti tal-Qala. Spjegat li l-proġett mhux qed jipproponi biss l-iżvilupp ta’ reverse osmosis iżda wkoll attrazzjoni turistika li se tiġbed in-nies u aktar karozzi lejn il-lokalità. Kien hawnhekk li tqajjmu mistoqsijiet fuq ir-rata li kienet ikkalkulata ħażin u għaldaqstant minn €10,634, ir-rata ta’ planning gain għal sit kummerċjali telgħet għal €57,050.

Proposta mill-Membru Parlamentari Laburista Clayton Bartolo ma ġietx aċċettata wara li ppropona li flok il-flus, il-Korporazzjoni twettaq xi xogħlijiet minħabba għargħar fi Triq il-Kunċizzjoni fil-Qala.

L-applikazzjoni tar-Reverse Osmosis tinkludi l-bini ta’ sitt ibjar għall-ilma u pajp għall-ilma baħar żejjed li joħroġ mill-impjant li se jiġi ppumpjat 260 metru ‘l barra mill-kosta. Permezz ta’ dan il-proġett, il-kwalità tal-ilma f’Għawdex hi mistennija li titjieb issa li ġie approvat il-proġett.

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet ħarġet sejħa għal tenders għal dan il-proġett b’madwar €10 miljun.