Il-Kunsill tal-Qala b’rikorsi kontra l-bini ta’ flats ODZ

Paul Buttigieg

Il-Kunsill Lokali tal-Qala ppreżenta żewġ rikorsi biex jiġu revokati żewġ permessi dwar il-bini ta’ flats f’art barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ).

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg qal lil Newsbook.com.mt li għalkemm parti mis-siti taż-żewġ permessi tinsab f’art ODZ, l-applikazzjonijiet ġew ipproċessati bħal li kieku kienu kollha fiż-żona tal-iżvilupp.

“Dan seta żvija lill-pubbliku u affetwa l-mod li bih kienu deċiżi. Il-Kunsill wera t-tħassib tiegħu għal dan il-fatt u ghal-fatturi ohra rigward dawn il-permessi,” qal Buttigieg.

Din se tkun battalja ġdida għal Buttigieg li ilu s-snin jiġġieled kontra l-bini ta’ marina fil-bajja ta’ Ħondoq. Is-sena l-oħra ħadem kontra l-bini ta’ dar minflok kamra żgħira fiż-żona magħrufa bħala Tal-Muxi. Is-Sindku Laburista sikwit isib appoġġ mir-residenti tal-Qala għal dak li jagħmel. Iħobb iżżommhom aġġornati b’dak li jkun qed jiġri fir-raħal permezz tal-Facebook.

Dwar din l-aħħar sfida tal-flats, Buttigieg qal lil Newsbook.com.mt li jixtieq li l-awtoritajiet jallokaw fondi għall-kunsilli biex ikunu jistgħu jappellaw kontra ċertu applikazzjonijiet. Dawn l-ispejjeż jafu jlaħħqu mal-eluf kull darba.

Portelli jgħid li l-art f’Ta’ Kassja fil-Qala qiegħda b’konvenju

L-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli qal li l-art f’Ta’ Kassja fil-Qala qiegħda b’konvenju. Il-proġett propost għandu jikkonsisti minn 165 appartament.

F’Jannar li għadda kelliema għal J Portelli Projects qalet lil Newsbook.com.mt li ġie ffirmat il-konvenju bejn is-sidien tal-art fil-Qala u J Portelli Projects. Sostniet li dan ta d-drittijiet kollha u l-permess għal applikazzjoni għal żvilupp. Meta din il-kamra tal-aħbarijiet ippruvat tagħmel kuntatt mal-kuntrattur Għawdxi Joseph Portelli nnifsu, ġiet ikkuntattjata minn kelliema għalih.

Il-Partit Demokratiku kiteb ittra lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri biex jiġu investigati Portelli u l-Awtorità tal-Ippjanar. Il-PD spjega skont kif ġie rrappurtat minn Times of Malta, Joseph Portelli beda juża dikjarazzjonijiet foloz li huwa s-sid biex isir żvilupp kbir fil-Qala, u dan sabiex jevita li jkun hemm Assessjar tal-Impatt fuq l-Ambjent. Dan billi hemm sitt applikazzjonijiet separati biex isir żvilupp fuq medda ta’ 30,000 metru kwadru ta’ art. Fit-tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-kelliema ċaħdet “assolutament” li kien hemm xi dikjarazzjoni falza fir-rigward ta’ min hu sid l-art b’rabta mal-applikazzjoni. 

Skont it-Times of Malta, jekk l-appartamenti jimtlew kollha l-popolazzjoni tal-Qala tikber b’madwar 20%.