​Il-Kunsill tal-Munxar se joġġezzjona kontra demmiela fir-raħal

Il-Kunsill Lokali tal-Munxar se jkun qed joġġezzjona b’mod formali kontra d-demmiela li dwarha hemm proposta li ssir fir-raħal.
Fi stqarrija, il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista (PN) fil-Munxar qalu li mozzjoni li ressqu waqt laqgħa urġenti tal-Kunsill ġiet approvata unanimament.
Il-PN qal li l-oġġezzjoni hija kontra applikazzjoni għal impjant għall-ipproċessar tal-ħmieġ tal-annimali fil-Munxar. Skont il-PN, “huwa mistenni li jekk din l-applikazzjoni tiġi approvata u l-proġett isir, se jħalli impatt negattiv enormi kemm fuq il-lokalità kif ukoll fuq ir-residenti.”
Il-PN qal li kull vettura li tkun qed iġġorr l-iskart li jrejjaħ irid jgħaddi miċ-ċentru tar-raħal u minn diversi toroq residenzjali. Żied jgħid li l-proġett jista’ jżid it-traffiku ta’ vetturi kbar matul il-ġurnata kollha.
Il-mozzjoni li ġiet proposta mill-Kunsillier tal-PN Damien Spiteri ġiet skondata mill-Kunsillier tal-PN Paul Curmi.
Il-mozzjoni tgħid li l-Kunsill għandu jinnomina numru ta’ esperti biex jagħmlu evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-demmiela u biex jiddefenixxu eżatt il-konsegwenzi possibbli li se jbatu r-residenti jekk dan il-proġett isir. L-oġġezzjonijiet se jitressqu wkoll quddiem l-Awtoritajiet konċernati.
Il-PN favur impjant simili sakemm mhux qrib in-nies
Intant, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-post fejn huwa ppjanat li jsir l-impjant tal-ipproċessar tal-ħmieġ tal-annimali, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li jekk isir, l-impjant iħalli impatt negattiv.
Huwa spjega li l-PN mhuwiex kontra l-iżvilupp ta’ impjant bħal dan, iżda qal li m’għandux isir qrib fejn jgħixu n-nies.