Aġġornata: Ippreżentanti l-prijoritajiet dwar l-agrikoltura, l-ambjent, l-edukazzjoni, s-saħħa u l-kultura

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes qal li l-prijoritajiet ewlenin fil-qasam tal-agrikoltura huma li jsegwu bir-reqqa s-sitwazzjoni tas-swieq u tan-negozjati.
Galdes ippreżenta programm ta’ ħidma lill-Kunsill tal-Ministri.
Dan kien l-ewwel kunsill tal-ministri ippresedut mill-Presidenza Maltija fil-bini l-ġdid tal-Kunsill.
Żied jgħid li fil-qasam tas-sajd, il-Presidenza Maltija se tiffoka fuq l-adozzjoni ta’ numru ta’ liġijiet li jinkludu l-pjanijiet multiannwali, il-flotot tas-sajd esterni u l-miżuri tekniċi.
Fil-Kunsill tal-Ministri ġew diskussi wkoll l-aħħar żviluppi fis-swieq agrikoli, l-implimentazzjoni tal-Milk Package, kif ukoll ir-rapporti dwar il-laħam tan-nagħaġ.
Il-Membri tal-Parlament Ewropew ġew ippreżentati wkoll bil-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ambjent, l-Edukazzjoni u l-Kultura.
Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li l-Presidenza Maltija se tisħaq fuq il-qafas politiku għall-klima u l-enerġija għall-2030, u attenzjoni lill-emissjonijiet mill-avjazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo stqarr li l-Presidenza Maltija se tiffoka fuq ir-rilevanza li tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd permezz ta’ inklużjoni fid-diversità.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonniċi sostna li l-Presidenza Maltija se tkun qed taħdem biex tmexxi ‘l quddiem id-direttiva dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva. 
II-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ippreżenta l-prijoritajiet tal-Kunsill tas-Saħħa li se jkun qed jippresiedi għas-sitt xhur li ġejjin u qal li matul ix-xhur li ġejjin Malta se tiffoka fuq il-mard mhux infettiv, b’mod partikolari l-obeżità, li fl-Ewropa laħqet livelli ta’ epidemija.
Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li l-Presidenza ġiet fi żmien mimli sfidi għall-Ewropa, riżultat ta' avvenimenti li ġraw fl-2016.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella ikkumenta dwar il-progress li ġie nnutat f'pajjiżi bħat-Turkija u ċċara l-pożizzjoni tal-Ewropa lejn pajjiżi bħar-Russja u Libja fejn jikkonċernaw sigurtà u difiża.