“Il-Kunsill tal-Mellieħa għandu jitkellem dwar l-effetti tal-mina fuq il-lokalità” – AD

L-Alternattiva Demokratika qalet li jeħtieġ li jiġu protetti l-Mellieħa u r-residenti tal-post minn żvilupp eċċessiv. L-AD qalet li jrid ikun il-Kunsill Lokali li jagħti eżempju u jaqbeż għall-wirt ekoloġiku tal-lokalità, pereżempju billi jirrestawra Fort Campbell u jistabbilixxi użu xieraq għalih, jew inkella billi juri tħassib fuq il-proposta tal-mina, b’rabta maż-żoni affettwati fil-Mellieħa.
F’konferenza stampa, iċ-Chairman tal-partit, Carmel Cacopardo, qal li l-Mellieħa hi waħda mill-ftit lokalitajiet b’żoni naturali. Cacopardo qal li l-awtoritajiet lokali ħandhom jiġġeneraw ekonomija lokali sostenibbli billi jiżviluppaw l-industrija tal-ekoturiżmu f’lokalità bħall-Mellieħa.
Luke Caruana, kandidat għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali f’isem l-AD, qal li mhix l-ewwel darba li fil-Mellieħa twarrbet il-kwalità tal-ħajja tar-residenti biex tħalli lok għall-kummerċ, pereżempju fil-proposta tal-mina bejn Malta u Għawdex. Huwa insista li l-mina se taffettwa l-komunitajiet rurali żgħar tal-Mellieħa, il-Manikata u l-Għerien. Qal li mhuwiex aċċettabbli li l-kunsilliera attwali u kandidati oħra ma wrewx tħassib dwar dan.

Caruana qal li l-Mellieħa għandha ssir iżjed ekoloġika billi tingħata prijorità lin-nies u mhux lill-karozzi. Dan isir billi jkun hemm espansjoni taż-żoni pedonali u aktar aċċess għar-roti u t-taxis elettriċi.