Il-Kunsill tal-Iklin jinvestiga rwejjaħ qawwija fil-lokalità

Irwejjaħ "simili ta’ tyres li qegħdin jinħarqu"

Ricasoli-breakwater-construction-
Miguela Xuereb

Il-Kunsill Lokali tal-Iklin appella sabiex l-awtoritajiet jinvestigaw wara diversi residenti ilmentaw dwar irwejjaħ qawwija u insopportabbli ta’ asphalt u tarmac u “simili ta’ tyres li qegħdin jinħarqu”. 

Fi stqarrija, il-Kunsill qal li kien hemm residenti li rraportaw dħaħen viżibbli fuq ir-residenzi tagħhom. Immedjatament il-Kunsill Lokali talab lill-awtoritajiet konċernati – partikolarment l-ERA u l-Uffiċċju tas-Sanità – sabiex jinvestigaw u jaċċertaw ruħhom illi m’hemmx periklu għas-saħħa pubblika, u li l-arja taż-żona ma fiha ebda kimika jew sustanza li tipperikola lin-nies.

Il-Kunsill tal-Iklin saħaq li din is-sitwazzjoni turi b’mod ċar l-importanza illi jkun hemm monitoraġġ kostanti u effetiv fuq is-siti industrijali. Żied li qabel jingħataw permessi ta’ tip industrijali mill-awtoritajiet, isir assessjar serju tal-impatt fuq l-ambjent urban tal-madwar. Semma’ kif siti industrijali joħolqu problemi għas-saħħa tal-individwu kif ukoll inkonvenjenti serji bħal ħsejjes u passaġġ ta’ makkinarju goff minn zoni purament residenzjali.