​Il-Kunsill tal-Furjana jilmenta mal-PN dwar l-armar tal-Indipendenza

Il-Kunsill Lokali tal-Furjana, fi stqarrija, wera d-diżapprovazzjoni tiegħu mal-Partit Nazzjonalista li, ġimgħatejn minn tmiem il-festi tal-Indipendenza fuq il-Fosos, għad hemm armar goff li ma tneħħiex mill-post.
Il-Kunsill Lokali qal li minkejja li ġibed l-attenzjoni ta’ uffiċjali tal-PN, “għad hemm blokki kbar tal-konkos fil-ġemb ta’ Pjazza San Publiju, għad hemm strixxa mdendla bejn is-siġar in-naħa ta’ Sarria u għadha ma ssewwietx il-ħsara li saret fuq bollard fl-istess pjazza”.
Il-Kunsill sostna li l-partiti politiċi għandhom obbligu morali iktar minn ħaddieħor li jagħtu eżempju ta’ ħarsien tal-wirt storiku, kulturali u ambjentali tal-pajjiż.
Spjega li dawn huma “privileġġjati” għax ma jistgħux isirulhom kundizzjonijiet bħal ma jsir lil kull organizzatur ieħor ta’ attivitajiet. Saħaq li jeżiġi li l-organizzaturi kollha jġibu rispett lejn il-lokalità u l-komunità tagħha. 
Ritratt: mill-Arkivji