Il-Kunsill tal-Furjana jaqbel li għandha tissemma triq għal Prof. Friggieri

Il-Kunsill Lokali tal-Furjana qabel mal-mozzjoni mressqa mill-Kunsillier James Aaron Ellul biex triq fil-Furjana tissemma għall-mibki kittieb Prof. Oliver Friggieri, li kien Furjaniż.

Prof. Friggieri miet fil-21 ta’ Novembru fl-età ta’ 73 sena.

Wara l-mewt tiegħu, Ellul, li huwa wkoll eks student ta’ Friggieri, ressaq mozzjoni biex triq f’Balzunetta tissemma għall-kittieb, poeta u akkademiku. Illum il-Kunsill approva din il-mozzjoni, li ġiet sekondata mill-Kunsilliera Justine Palmier.

Issa għandha tibda d-diskussjoni fuq fejn u liema triq se tintgħażel biex iġġib l-isem ta’ Oliver Friggieri. Ellul qal li s’issa hemm il-ħsieb li Triq l-Argotti ż-żgħira tkun imsemmija għalih. Intlaħaq qbil ukoll biex il-Kunsill iqis il-possibbiltà li titwaħħal irħama mal-binja fejn trabba u għex Prof. Friggieri.