Il-Kunsill tal-Ewropa u l-Vatikan jaħdmu flimkien kontra l-abbuż tat-tfal

F’laqgħa li saret il-ġimgħa li għaddiet fil-Vatikan bejn Papa Franġisku u Thorbjørn Jagland, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, iż-żewġ mexxejja tkellmu dwar il-fenomenu tal-abbuż tat-tfal u esploraw modi kif jistgħu jikkumbattu din il-pjaga flimkien.

F’intervista li ta lill-“Vaican News” wara l-laqgħa, is-Segretarju tal-Kunsill tal-Ewropa qal li mal-Papa ddiskuta diversi  sfidi li qed tiffaċċja l-umanità, fosthom il-fenomenu li reġa’ tfaċċa madwar id-dinja – inkluż fil-Knisja – tal-abbuż sesswali mit-tfal. “Iddiskutejna kif nistgħu niġġieldu din il-pjaga flimkien billi ngħaqqdu l-forzi tagħna”.

Jagland qal li jaf u japprezza l-inizjattiva tal-Papa Franġisku li jsejjaħ rappreżentanti tal-Isqfijiet Kattoliċi għal laqgħa f’Ruma x-xahar id-dieħel dwar il-Protezzjoni tat-Tfal biex il-problema tal-abbużi tkun diskussa b’mod konkret.  Żied li l-Kunsill tal-Ewropa għandu Konvenzjoni apposta dwar il-prevenzjoni tal-abbuż u l-protezzjoni tat-tfal.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa ssuġerixxa lill-Papa li l-Vatikan jista’ jaderixxi għal din il-Konvenzjoni. “Hi miftuħa għal kulħadd. 47 stat Ewropew diġa ffirmaw din il-Konvenzjoni.  Kieku l-Vatikan u l-Kunsill tal-Ewropa flimkien jagħtu sinjal lid-dinja li l-abbuż sesswali tat-tfal mhux biss mhux aċċettabbli imma wkoll hu kontra l-liġi, dan ikun messaġġ b’saħħtu ħafna”.

Jagland jemmen li l-vuċi tal-Papa hi mportanti u tasal ħafna speċjalment meta jitkellem dwar il-protezzzjoni tal-istituzzjonijiet, il-multilatealiżmu u l-ħtieġa li niġġieldu l-faqar. Meta l-Papa jitkellem dwar l-imigrazzjoni, li ħafna gvernijiet m’humiex komdi biha, leħnu jinstema. Dan hu mportanti ħafna.

Mistoqsi dwar il-paċi fl-Ewropa, is-Segrearju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa qal li l-missjoni oriġinali tal-Kunsill kienet li jġib il-paċi. “Dan qed inkomplu nagħmluh billi narmonizzaw il-liġijiet fil-pajjiżi membri biex nipproteċi d-drittijiet umani u drittijiet demokratiċi bażiċi”.