Aġġornata bil-filmat: “​Il-Kunsill tal-Ewropa se jaħtar rapporteur dwar l-assassinju ta’ Daphne” – MP Olandiż

Il-membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Olandiż Pieter Omtzigt qal li fix-xhur li ġejjin il-Kunsill Ewropew se jaħtar rapporteur biex jirrapporta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Huwa fakkar li f’Jannar li għadda kien ressaq mozzjoni f’dan is-sens quddiem l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill. Din il-mozzjoni kienet iffirmata minn 114 il-membru parlamentari li jiġu minn partiti differenti anke mill-grupp Soċjalista li tiegħu il-Parit Laburista huwa membru.  
Omtzigt kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg u Manwel Delia waqt il-programm Newsline fuq RTK.
Mistoqsi dwar it-tweġiba li tah il-kumitat tal-ministri li mhux se jieħu passi oħra dwar l-assassinju, Omtzigt qal li dak li l-membri tal-Kunsill tal-Ministri ma’ weġbux għalih huwa ħafna aktar importanti minn dak li wieġbu.
Omtzigt semma li l-ministri, fosthom dak Malti, ma weġbux għall-mistoqsija dwar l-għala l-pulizija ma investigawx l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus minn membri tal-Gvern. Qal li lanqas wieġbu l-għala l-Gvern ma ipproteġġix b’mod adegwat lil Caruana Galizia u l-għala mhux qed jagħti protezzjoni lill-whistleblowers.  
Skont il-membru parlamentari dawn kienu l-aktar mistoqsijiet importanti.
"In-nuqqas ta’ tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet probabbilment ifisser li ma kienx hemm qbil minn xi pajjiżi mar-risposta li ippropona l-Gvern Malti u li allura qablu li ma jwieġbu xejn.” 
Pieter Omtzigt qal li għalkemm sitwazzjonijiet bħal dawn ġieli jiġru fi ħdan il-Kunsill Ewropew, xorta waħda n-nuqqas ta’ risposta komuni huwa indikattiv li hemm tħassib minn ċerti pajjiżi dwar kemm f’Malta titħares sew il-liġi.