Il-Kunsill tal-Ewropa lest iżid projbizzjonijiet lir-Russja jekk ma tnaqqasx it-tensjoni

Fi stqarrija Ministerjali mill-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament illejla, filwaqt li sostna li l-pożizzjoni ta’ Malta dwar l-Ukraina hi eżatt bħal dik li ħadet l-UE fis-summit il-ġimgħa li għaddiet, qal li l-Kunsill tal-Ewropa ddeċieda li jekk ir-Russja ma tnaqqasx it-tensjoni, jiġu estiżi l-projbizzjonjiet ta’ viżas u l-iffriżar ta’ assi fil-konfront tagħha.
Qal li Malta kienet ma’ dawk il-pajjiżi li fis-summit ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Marzu żammew il-pożizzjoni li ma jistax ikun li l-UE ma tiħux azzjoni dwar dak li qed jiġri, imma fl-istess ħin trid tkun azzjoni moderata li żżomm l-għan li titjieb is-sitwazzjoni.
Qal ukoll li fil-konklużjonijiet tas-summit, l-UE bagħtet messaġġ ta’ solidarjetà u appoġġ lill-poplu Ukren, maqbul b’mod unanimu bejn it-28 pajjiż membru. Il-Kunsill Ewropew ikkundanna b’mod qawwi l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta’ Sebastopoli mal-Federazzjoni Russja u sostna li din l-annessjoni ma tiġi rikonoxxuta qatt.
Joseph Muscat qal ukoll li l-UE ikkanċellat is-summit li jmiss bejnha u r-Russja.
Il-Prim Ministru tenna l-pożizzjoni ta’ Malta, li hi ta’ kundanna għal kull forma ta’ invażjoni territorjali tiġi minn fejn tiġi.
Irrefera wkoll għall-qasam tal-enerġija, u qal li Malta “bdiet din is-sena bħala wieħed mill-pajjiżi, jekk mhux il-pajjiż, l-iktar lura f’dan il-qasam fost il-pajjiżi tal-UE”. Madankollu, sostna, il-pajjiż issa qiegħed fit-triq it-tajba biex jidħol fl-“era moderna fil-qasam tal-enerġija” tant li dak li jrid il-Gvern imur lil hinn minn dak li qed tipproponi l-UE. 
Qal ukoll li l-Gvern qed iħares lejn is-summit tal-ġimgħa d-dieħla bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani bħala opportunità li permezz tagħha tkompli tibni relazzjonijiet fit-tul ma’ dawn il-pajjiżi, inkluż dwar l-immigrazzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew speċjalment fejn għandu x’jaqsam mal-Ukraina, bl-Oppożizzjoni tikkundanna l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta’ Sebastopoli mar-Russja. Madankollu Simon Busuttil ikkritika l-fatt li fil-konklużjonijiet tas-summit m’hemmx kapitlu dwar l-immigrazzjoni, u staqsa jekk kienx hemm diskussjoni dwar dan u jekk Malta talbitx li ssir din id-diskussjoni. Qal li fis-summit t’Ottubru l-Prim Ministru kien mar determinat biex iġib riżultati konkreti dwar l-immigrazzjoni, imma s’issa dawn ma waslux.