Aġġornata: Il-Kunsill tal-Belt Valletta jikkundanna t-twaqqif tar-rotta 133

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qed isostni li Autobus de Leon waqfu r-rotta 133, li tipprovdi servizz ċirkolari mad-dawra tal-Belt u f’toroq prinċipali bħal Triq San Pawl, Triq ir-Repubblika u Triq l-Ifran.
Il-Kunsill qal li dan ġie kkonfermat mill-operatur stess minħabba li l-vetturi ż-żgħar kienu bil-ħsara.
Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li din mhix raġuni valida u qed jappella biex is-servizz jerġa’ jingħata minnufih għaliex qed iħalli impatt negattiv speċjalment fuq l-anzjani li ma jistgħux jinqdew mill-ħwienet fiċ-ċentru tal-Belt Valletta, imorru saċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Floriana jew il-venda biex imorru l-isptar Mater Dei.
Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali sostna li beda jirċievi lmenti mir-residenti tal-Belt speċjalment anzjani u residenti b’nuqqas ta’ mobilità u għalhekk għamel kuntatt ma’ Autobus de Leon li kkonfermaw li kienu bidlu r-rotta u s-sitwazzjoni kienet se titranġa sal-ġimgħa li għaddiet iżda dan ma seħħx.
Fl-istqarrija ntqal li hekk kif din ir-rotta qed tkun injorata qed tikkawża tbatija lir-residenti, b’uħud qed ikollhom jibqgħu d-dar minħabba n-nuqqas ta’ trasport pubbliku.
Il-Kunsill enfasizza li d-deċiżjoni li din ir-rotta tieqaf ittieħdet mingħajr konsultazzjoni u enfasizza li kull tibdil ieħor li l-operatur beħsiebu li jagħmel trid issir f’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali biex ma taffetwax ħażin lir-residenti u persuni oħra li jżuru l-Belt Kapitali.

Reazzjoni mill-Malta Public Transport
Malta Public Transport tixtieq tixkuża ruħha għall-inkonvenjent li qed ibgħatu residenti tal-Belt Valletta minħabba r-rotta 133.
B’risposta’ għall-istqarrija li ħareg il-Kunsill Lokali tal-Belt, Malta Public Transport qed tikkjarifika li qed topera r-rotta 133.  Fi stqarrija, il-Malta Public Transport qalet li minħabba li l-vannijiet li bihom kienet topera r-rotta 133 soffrew ħsarat, il-kumpanija qed tuża vetturi akbar li ma jgħaddux mit-toroq kollha tal-Belt speċjalment dawk l-aktar dojoq.
Il-Kumpanija se terġa’ toffri s-servizz komplut hekk kif żewġ vetturi ġodda jaslu Malta fil-ġimgħat li ġejjin. Sa dan it-tant, il-Kumpanija qed tfittex li tikri vannijiet minn Malta biex taqdi l-bżonnijiet tar-residenti.
Malta Public Transport terġa’ tiskużha ruħha għal kull inkonvenjent.