Il-Kunsill ta’ San Ġiljan m’għandux vot dwar l-iżvilupp tal-ITS

torri db sit ITS mistenni approvat

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan mhux se jkun rappreżentat fil-bord tal-ippjanar li se jiddetermina l-istat tas-sit fejn qabel kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS). Il-Kunsill Lokali magħżul huwa dak ta’ Pembroke.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lis-Sindku ta’ San Ġiljan Guido Dalli biex jistħarreġ dwar ir-raġuni għaliex San Ġiljan mhux se jkun rappreżentat wara stqarrija aktar kmieni mis-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili fejn iddikjara li l-Kunsill se jivvota kontra.

Dalli spjega li l-Ministru responsabbli għall-Awtorità tal-Ippjanar għażel lill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke minflok dak ta’ San Ġiljan biex ikun rappreżentat fil-bord li se jiddeċiedi. Huwa qal li l-applikazzjoni ta’ żvilupp fil-bidu inkludiet biss lill-Kunsill ta’ San Ġiljan iżda aktar tard kienet emendata biex tinkludi ż-żewġ Kunsilli.

Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili iddikjara fuq Facebook li huwa se jivvota kontra l-proġett matul is-seduta skedata għall-20 ta’ Settembru. L-Awtorità tal-Ippjanar mistennija tapprova l-proġett minkejja l-kontroversja u l-protesti mir-residenti, mill-kunsilli lokali u mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Is-Sindku Guido Dalli spjega kif il-proġett jinsab bejn iż-żewġ lokalitajiet, iżda bosta mix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni se jseħħu fis-sit ta’ Pembroke. Huwa tenna li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan huwa kontra l-proġett u kien jivvota kontra kieku kien magħżul biex jivvota fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Għajnuna għall-Ippjanar – min se jakkwistaha?

Dalli qal ukoll li l-Kunsill kiteb lill-Ministeru ta’ Ian Borg biex jistħarreġ dwar il-€1.5 miljuni f’fondi disponibbli bħala għajnuna għall-ippjanar li kienu disponibbli biex inaqssu l-impatt negattiv tal-proġett fuq il-lokalitajiet. Dalli irrimarka li l-fondi disponibbli għandhom jitqassmu bejn iż-żewġ kunsilli jew jingħataw pro-rata.

Sfond

Is-sit li kien jospita l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) kien suġġett ta’ ftehima ta’ €60 miljun li trasferixxiet l-art fil-bajja ta’ San Ġorġ lill-kumpanija DB Group li s-sid tagħha huwa Silvio Debono. B’hekk, l-istitut mexa għal Ħal Luqa fid-9 ta’ Lulju biex jevakwa l-art għal proġett.

Jekk ikun approvat fl-20 ta’ Settembru, is-sit, li jinsab f’pożizzjoni vantaġġuża kummerċjalment se jibidel fi żvilupp ta’ bosta dimensjonijiet li jinkludi lukanda ta’ 5 stilel, 162 residenza, spazju għall-uffiċini kummerċjali, ċentru għal ħwienet u ristoranti.

Il-proġett kien ikkritikat minn bosta persuni u għaqdiet. Kelliem għall-Kummissjoni Ambjentali tal-Knisja, Ronald Camilleri irrimarka, waqt programm tar-radju Newsline fuq RTK immexxi minn Fr Joe Borg u minn Manuel Delia, li l-proġett ma jirrispettax is-sistema ta’ ppjanar u mhux fl-interess tal-ġid komuni.

Residenti, kunsilli lokali u organizzazzjonijiet mhux governattivi ingħaqdu f’kampanja msemmija “Tidfnuniex ħajjin” li inkludiet protesti, laqgħat pubbliċi kif ukoll kitbiet ta’ ittri lill-Membri tal-Parlament eletti mid-9 u mill-10 distrett.

Inġabru aktar minn 4.000 firma kontra dan il-proġett li kienu preżentati lill-Awtorità tal-Ippjanar.