Il-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar jopponi McDonalds f’ODZ

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar formalment oġġezzjona għall-iżvilupp tal-bini ta’ ristorant ta’ McDonalds f’art ODZ fi Triq il-Labour, Ħaż-Żabbar.
Il-kunsilliera vvotaw b’mod unanimu favur il-mozzjoni mressqa mis-Sindku Marc Vella Bonnici wara li l-ġimgħa li għaddiet, saret laqgħa pubblika konsultattiva mar-residenti kif ukoll diversi laqgħat ma’ stakeholders oħra.
Fi stqarrija, il-Kunsill qal li se jkun qed jippreżenta l-oġġezzjoni formali lill-Awtorità tal-Ippjanar. Kopja ta’ din l-oġġezzjoni tinsab aktar l-isfel.
Il-mozzjoni kienet ibbażata fuq diversi fatturi, dawk ewlenin kienu li l-iżvilupp kien fil-biċċa l-kbira tiegħu propost fuq art ODZ, in-nuqqas ta’ studju dwar l-impatt tat-traffiku u l-problemi li dan iġib miegħu, parkeġġ mhux adekwat, problemi ta’ storbju u skart, kif ukoll li dan kien se jaffettwa art agrikola tajba u jnaqqas l-ammont ta’ siġar minn fuq is-sit.
Aktar minn hekk, il-Kunsill jgħid li dan l-iżvilupp imur kontra l-pjan ta’ riġenerazzjoni propost mill-Gvern Ċentrali fl-akkwati, kif ukoll proġett ta’ rikreazzjoni għall-familji propost mill-Kunsill Lokali.
McDonald's Malta hija operata minn Premier Capital, kumpanija Maltija li hija liċenzjata li topera l-McDonald's fl-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja kif ukoll f’Malta. B'kollox il-kumpanija topera 58 ristoranti, timpjega aktar minn 2,400 persuna u sservi 18.7 miljun klijent fil-ħames pajjiżi.