Il-Kunsill ta’ Ħ’Attard kontra l-proġett propost mill-Gvern

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard qal li huwa kontra l-proġett tas-Central Link u appella lill-Gvern biex jimxi mal-politika tiegħu stess rigward il-proġett.

Fi stqarrija l-Kunsill qal li jirrikonoxxi li hemm problema tat-traffiku f’Ħ’Attard.  Madanakollu qal li l-proġett ta’ bini ta’ toroq u twessiegħ ta’ toroq magħruf bħala Central Link Project imur kontra l-politika ddikjarata tal-Gvern stess u jitlob li qabel jikkunsidra miżuri li x’aktarx jiġbdu aktar traffiku lejn Ħ’Attard iwettaq ċertu politiki.

Il-Kunsill Lokali jrid lill-Gvern jiffoka fuq l-użu tat-trasport pubbliku, jiżviluppa modi ġodda tat-trasport, u biex jagħmel aktar użu mill-park and rides. Dawn il-proposti tressqu f’mozzjoni approvata mill-Kunsill. Il-Kunsill spjega wkoll li l-lokalità se tinqabad bejn żewġ toroq prinċipali u li se jinqered ammont kbir ta’ art.

“Il-Kunsill jinnota wkoll li ġustament il-Gvern iddikjara li se jinqata’ l-użu tal-petrol u d-diesel fil-vetturi privati u għalhekk dan irendi l-istudji dwar is-suppost tnaqqis fit-tniġġis irrelevanti. Jinnota wkoll illi l-Gvern stess, saħansitra l-Prim Ministru ħabbar li qed jippjana modi ġodda ta’ trasport tal-massa bħal metro, li tnaqqas l-użu tal-karozzi jekk implimentata tajjeb.”

Il-Kunsill talab biex ikun hemm ‘modal shift’ fit-trasport li verament inaqqas it-traffiku u jżid l-użu tat-trasport pubbliku u mezzi alternattivi tat-trasport.

Il-problema qed tinkwieta lir-residenti – ir-residenti

L-għaqda Attard Residents Environmental Network (AREN) qalet li din il-problema qed tinkwieta lir-residenti.

Ir-residenti jaqblu ma’ dak li qal il-Kunsill tagħhom fil-mozzjoni tiegħu. L-AREN irringrazzjat lill-Kunsill Lokali, lill-Ministru għat-Trasport Ian Borg, lill-Partit Nazzjonalista, lill-Alternattiva Demokratika, u lill-Partit Demokratiku għall-għajnuna tagħhom. L-AREN qalet li kellha laqgħa ma’ Borg li qal li se jikkonsidra s-suġġerimenti tagħhom.

L-oġġezzjonijiet għal dan il-proġett jistgħu jiġu sottomessi sal-10 ta’ Settembru hawn.

Il-Ministeru għat-Trasport kien ċaħad b’mod kategoriku li se jitneħħew is-siġar kollha bejn Ħ’Attard u Ta’ Qali bħala parti mis-Central Link Project, kif ġie rappurtat f’ġurnal lokali.

F’laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp li saret fil-Parlament f’Lulju, il-Ministru Borg qal li l-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard kien għadu ma ħax pożizzjoni dwar il-Proġett Central Link.