Il-Kunsill ta’ Ħal Qormi jiċċara għalfejn is-Sindku l-ġdid se jinħatar għada

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi qal li fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill kien hemm qbil unanimu li jekk is-Sindku Rosianne Cutajar tkun eletta fil-Parlament, il-kunsill kellu jiltaqa’ il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju biex jinħatar Sindku u Viċi Sindku.
Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali qal li din id-deċiżjoni ttieħdet biex għall-festa ta’ San Ġorġ, li se tkun iċċelebrata nhar il-Ħadd, il-lokalità ma tkunx mingħajr Sindku.
Il-Kunsill kien qiegħed jirreaġixxi għar-rapporti li dehru fil-midja lokali li l-kunsill se jkun qed jitlaqqa’ b’urġenza wara li saru allegazzjonjiet fil-konfront ta’ Jesmond Saliba li bħalissa qed iservi ta’ Viċi Sindku u għada mistenni jinħatar Sindku, minflok Rosianne Cutajar.
Skont midja lokali, Saliba qed ikun investigat mill- Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) dwar akkużi ta’ tixħim u match fixing .
Fl-istqarrija, il-Kunsill Lokali spjega li Cutajar irriżenjat minn Sindku lbieraħ stess u l-laqgħa tal-kunsill issejħet qabel ħarġu l-allegazzjonijiet.

Ritratt: Ian Noel Pace