Il-Kunsill ta’ Birkirkara jinjora l-ordni tal-Ombudsman; jirrifjuta li jħallas għal danni

Sewwieq li ġarrab ħsarat fil-vettura tiegħu kawża ta’ ħofra fi triq f’Birkirkara baqa’ ma’ rċeviex rimunerazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara għad-danni, kif ordnat mill-Ombudsman, anke wara li din id-deċiżjoni ġiet appoġġjata mid-Direttur tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali.

Skont ir-rapport tal-Ombudsman tal-2018, li ġie ppreżentat fil-Parlament iktar kmieni dan ix-xahar, is-sewwieq talab lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara sabiex iħallas għall-ħsarat li ġarrbet il-karrozza tiegħu meta kien għaddej minn Triq Notabile, f’Birkirkara ġej mid-direzzjoni ta’ Fleur-de-Lys għal Ħ’Attard. Minkejja li x-xufier bagħat diversi ittri lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara baqa’ ma rċieva ebda tweġiba għall-korrispondenza tiegħu u talab l-intervent tal-Ombudsman biex jikseb rimedju adegwat mill-Kunsill.

Il-Kunsill Lokali sostna li l-parti tat-triq fejn seħħ l-inċident ma kinitx perikoluża għat-traffiku. Madanakollu l-Uffiċjal Investigatur tal-Uffiċċju tal-Ombudsman mar fuq il-post fejn seħħ l-inċident u stabbilixxa li r-ritratti li ressaq is-sewwieq fl-ilment tiegħu kienu meħuda propju fejn ġara l-inċident, filwaqt li nnota li l-ħofra kienet ġiet asfaltata wara l-inċident minħabba li din kienet fi stat ħażin.

‘Triq Notabile’ – It-triq fejn seħħ il-każ.

L-Ombudsman qal li skont l-Att dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta l-kunsilli lokali kienu huma legalment responsabbli għall-manutenzjoni u ż-żamma f’kundizzjoni tajba ta’
kull triq li ma kinitx taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta.

Huwa kkonkluda li l-Kunsill seta’ jiddikjara li kellu nuqqas ta’ fondi u li
l-manutenzjoni ta’ toroq ewlenin li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-lokalità
tiegħu kien qed jaffettwa b’mod negattiv il-baġit allokat lill-kunsill. Madanakollu,
dan ma kienx suffiċjenti sabiex jeżonora ruħu mir-responsabbiltà tal-inċident li
seħħ fi triq li kienet taqa’ fil-ġurisdizzjoni tiegħu. Sostna li r-responsabbiltà tal-Kunsill
Lokali kienet tinkludi li titnaqqas l-inkonvenjenza tal-persuni li joqgħodu u
jaħdmu fil-lokalità u għal kull min jagħmel użu minnha.

Skont l-Ombudsman l-Kunsill kellu jassigura li ċ-ċittadini ma jidħlux fi spejjeż bla bżonn minħabba xi negliġenza ta’ xogħol imwettaq ħażin fuq it-toroq li l-Kunsill stess kien responsabbli għalihom.

Il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara baqa’ jirrifjuta li jimplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman u għalhekk dan tal-aħħar irrefera l-kwistjoni lid-Direttur tal-Gvern
Lokali, Monitoraġġ u Sapport fi ħdan id-Dipartiment tal-Gvern Lokali sabiex
jintervjeni mal-Kunsill Lokali u tiġi riżolta l-kwistjoni u s-sewwieq jingħata rimedju.

F’Novembru 2017 id-Direttur tad-Dipartiment tal-Gvern irrakkomanda lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li dan għandu jimplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, anke jekk jirrikonoxxi l-awtonomija tal-Kunsill Lokali, iżda l-Kunsill Lokali baqa’ jirrifjuta li jagħmel dan.

Dan wassal biex f’Marzu tal-2018 l-Ombudsman irrfera l-każ lill-Ministeru tal-Ġustizzja. Il-Ministeru kkonkluda li l-indipendenza tal-kunsill lokali tippermetti biex l-azzjoni li jiddeċiedu dwarha hija finalment deċiżjoni tagħhom. Il-Ministeru qal li f’dan il-każ il-Kunsill Lokali kien deċiż li ma jħallasx il-kumpens mitlub u jekk meħtieġ is-sewwieq konċernat kellu jieħu l-każ quddiem il-Qorti.

Wara din it-tweġiba, l-Ombudsman ressaq l-opinjoni finali lill-iSpeaker tal-Parlament biex din titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan seħħ f’Ottubru tal-2018. Sal-ġurnata tal-lum ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex is-sewwieq jingħata r-rimunerazzjoni mitluba.