Il-Kunsill Slimiż f’laqgħa mal-Pulizija dwar iż-żieda fis-serq

Għada se ssir laqgħa importanti bejn il-Pulizija u l-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema fejn se ssir diskussjoni fuq kif qed titmexxa l-investigazzjoni fuq ir-rapporti tas-serq f’din il-lokalità, f’San Ġiljan u s-Swieqi.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Pulizija qed tinvestiga b’serjetà kbira l-ammont kbir ta’ serq li qed jiġi rrappurtat f’dawn il-lokalitajiet.
Fost ir-rapporti li waslu għand il-Pulizija qed jingħad li l-ħallelin jistgħu ikunu barranin ta’ nazzjonalità Bulgara jew Rumena.
Fil-midja soċjali kien hemm min stqarr li allegatament dawn il-ħallelin, li huma professjonali, qed jużaw vann bi pjanċi u reġistrazzjoni barranin.
Fil-ġimgħat li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta kif mhux magħruf l-ammont tal-vetturi b’reġistrazzjoni barranija li jiddaħlu f’Malta.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li l-Pulizija bdiet investigazzjoni fuq rapport ta’ sinjal mal-intercom tal-bieb, li allegatament qed jagħmluh il-ħallelin bħala indikazzjoni qabel is-serq.
Jirriżulta li s-serq mhux biss qed isir mid-djar imma wkoll mill-appartamenti, fejn iċ-ċans li l-ħalliel jinqabad huwa ikbar.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Kunsilli Lokali, fejn saret enfasi fuq l-importanza li l-preżenza tal-Pulizija tidher fit-toroq għaliex din toffri serħan tal-moħħ lir-residenti.
Għalhekk dawn il-Kunsilli Lokali jixtiequ li jiżdiedu l-Pulizija bl-uniformi.
Fil-preżent qed jinġabru l-firem biex tissaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija fl-għases f’Tas-Sliema, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar.
Fis-Swieqi kienu nġabru l-firem biex tinfetaħ l-għassa, din il-petizzjoni kienet tressqet lill-Ministru għall-Intern u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Residenti f’dawn il-lokalitajiet jixtiequ li ssir in-neighbourhood watch u din il-possibilità qed tittieħed b’serjetà fis-Swieqi.
Fil-passat kien sar eżerċizzju għal neighbourhood watch f’Tas-Sliema imma ir-riżultat ma kienx sodisfaċjenti.
Il-Kunsilli Lokali qablu li huwa d-dmir u obbligu tal-Kunsill Lokali li jressaq il-każi lill-Pulizija.
Kull min għandu informazzjoni għandu jgħaddiha lill-Pulizija fuq in-numru tat-telefown 112.