Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jibgħat il-kondoljanzi lill-Familja Friggieri

Prof Oliver Friggieri
Ritratt: Mark Zammit Cordina

Read in English.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-Professur Oliver Friggieri, intellettwali pubbliku ewlieni, kittieb u akkademiku. Il-kontribuzzjonijiet tiegħu u l-istudji dwar il-Letteratura Maltija mhux biss huma xogħlijiet seminali, iżda huma wkoll rifless taċ-ċentralità li ta lill-ilsien Malti. Il-KNK se jkun ukoll qed jirriżerva post għax-xogħlijiet ta’ Friggieri fil-mużew tal-letteratura fil-bini storiku li qed jiġi rrestawrat bħalissa l-Belt Valletta, fost l-oħrajn bl-eżebizzjoni tal-manuskritti L-Istramb (li oriġinarjament kien se jkun jismu ‘Meta Xejn ma Jitbiddel’) u Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri.

Minkejja d-diqa li ġġib magħha telfa bħal din, il-qalb titqawwa meta jiġi nnutat l-apprezzament li ntwera lejn ħajtu minn setturi varji tas-soċjetà. Id-deċiżjoni li l-Gvern jorganizza l-funeral ta’ Friggieri hija turija ta’ kemm il-Gvern jifhem l-importanza tal-letteratura, u għalhekk il-KNK jilqa’ din l-inizjattiva.

Li hu żgur hu li l-mewta ta’ figura monumentali bħal Oliver Friggieri twaħħlilna mill-ġdid quddiem wiċċna l-importanza tal-letteratura f’ħajjitna. Il-kotba li kull qarrej iżomm qrib qalbu u moħħu setgħu jaslu għandu biss bis-saħħa ta’ industrija tal-pubblikazzjoni li mingħajrha ma jkunx hawn żvilupp kulturali u intellettwali suret in-nies. 

Bil-ħsieb li nsostnu l-industrija tal-pubblikazzjoni lokali, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħeġġeġ lill-Gvern sabiex juri s-sapport tiegħu għall-qafas leġislattiv li qed nipproponu. Iċ-ċerimonji u r-radd il-ħajr iridu jitwaħħdu ma’ u jkunu akkumpanjati minn riformi legali importanti li jwieżnu aħjar lill-industrija u jassiguraw li tibqa’ teżisti, għax fl-aħħar nett minn din l-industrija niddependu biex jibqa’ jkollna awturi ta’ diwi nazzjonali u xogħlijiet letterarji ta’ livell għoli.

Dan it-tagħrif twassal mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.