Il-Kunsill Mondjali tal-Knejjes jappella biex tieqaf il-vjolenza madwar id-dinja

Familji Sirjani jaħarbu mill-eskalazzjoni tal-vjolenza mwettqa minn truppi tal-Gvern fil-provinċja ta’ Idlib. (AFP or licensors)

Il-Kunsill Mondjali tal-Knejjes filwaqt li kkundanna d-diversi attakki ta’ vjolenza li seħħew madwar d-dinja f’dawn l-aħħar jiem, li wasslu għal numru ta’ mwiet u ferimenti, appella biex tieqaf il-vjolenza madwar id-dinja.  

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kusill, Olav Fykse Tevit, ikundanna “l-attakki vjolenti fuq persuni innoċenti f’isem ir-reliġjon” u qal li dawn l-attakki “ma jistgħux ikunu aċċettati minn ebda reliġjon”.

Nigeria

Grupp ta’ dak imsejjaħ Stat Islamiku fin-Niġerja, l-għada tal-Milied ippubblika videw li fih ftaħar li qatel 11-il nisrani u qal li dan għamlu b’vendetta għall-qtil riċenti ta’ mexxejja ewlenin tal-ISIS.

“Aħna nikkundannaw bl-akbar qawwa dawn l-attentati biex jifirdu l-poplu Niġerjan billi jippruvaw idawwru lill-insara biex isiru Musulmani”, qal Tveit. “Irridu nħeġġu r-rispett għad-dinjità umana f’kull ċirkostanza u naraw li jkun hemm rispetto għad-diversità, filwaqt li naħdmu kontra l-mibegħda u l-intolleranza li jwasslu għal dawn l-atti estremi ta’ vjolenza”, żied jgħid.

Sirja

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Knejjes ġibed ukoll l-attenzjoni għas-sitwazzjoni tal-poplu tas-Sirja “li ilu jkun suġġett għal ħafna kunflitti u tixrid ta demm, tifrik u nies li jkollhom jitilqu minn djarhom”.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, aktar minn 235,000 persuna kellhom jaħarbu mir-reġjun ta’ Idlib fl-aħħar ġimgħatejn biss wara li bejn it-12 u s-16 ta’ Diċembru, il-vjolenza f’dan ir-reġjun ħraxet ħafna.

Tveit qal li “Il-Knejjes tad-dinja jitolbu li dan kollu jieqaf – tieqaf it-tbatija tal-popli. Daqshekk ġlied u nwiet. Issa żmien il-paċi, id-djalogu u l-ġustizzja mal-vittmi tal-moħqrija li twettqet tul dawn is-snin katastrofiċi ta’ vjolenza inumana”.

New York

L-Uffiċjal tal-Kunsill tal-Knejjes ikkundanna wkoll l-attakk ta’ ftit jiem ilu waqt ċelebraazzjoni tal-Lhud fid-dar ta Rabbi f’Mosey, fi New York fejn ħames persuni sfaw feruti b’daqqiet ta’ sikkina.

“Aħna nikkundanaw dan l-attakk u l-anti-Semitiżmu u kull ideoloġija razzista u estremista li seta’ kien hemm wara dan l-attakk. Nenfasizzaw l-importanza li jkun hemm sigurtà adegwata għal kulħadd u b’mod partikolari għall-minoritajiet li hawn fil-pajjiżi”

Hu sostna li n-nies għandhom dritt jinġabru f’postijiet ta’ talb, fil-paċi, u kull vjolenza kontrihom hi kundanabbli. “Dan l-attakk jidher li kien wirja ta’ anti-Semitiżmu razzist, li sfortunatament jidher li qed jikber kemm fl-Istati Uniti kif ukoll f’pajjiżi oħra.

Il-Kardinal Timothy Dolan ta’ New York ikkummenta wkoll dwar dan l-attakk u qal li: “Dawn l-atti għandhom ikunu kundannati bla riserva għax huma assolutament kontra dak kollu li jemmnu fih in-nies tal-fidi, hi x’inhi”.

L-attakk f’Monsey hu l-aħħar wieħed f’sensiela ta’ attakki anti-semitisti li seħħew fi New York fl-aħħar żminijiet.

“Kull attakk fuq kull individwu jew grupp minħabba t-twemmin reliġjuż, hu attakk fuqna lkoll. Din il-mibegħda ma hawnx postha f’pajjiżna u mkien fid-dinja”, qal il-Kardinal Dolan fi stqarrija li ħareġ.

Somalia

Karrozza bomba splodiet fejn post ta’ sigurtà, fil-kapitali tas-Somalia, Mogadishu s-Sibt li għadda u qatlet 90 persunu filwaqt li ħafna oħra sfaw feruti.  Ħafna mill-mejta u feruti kienu student universitarji u kien hemm anke xi tfal. S’issa ħadd għadu ma ħa responsabbiltà għal dan l-attakk.

Il-Kunsill Mondjali tal-Knejjjes qal li “madwar id-dinja nies li kienu għaddejjin għal rashom u fil-kju biex jixtru oġġetti tal-ikel, jew mexjin f’postijiet suppost siguri, jew sejrin lejn postijiet tat-talb, inqatlu u huma telfa għall-familji  u l-komunitajiet tagħhom. Aħna nikkundannaw din il-vjolenza bla sens. Ejja nsaħħu r-rieda tagħna fit-tfittxija għall-paċi u l-ġustizzja għal kulħadd, dinjità għal kulħadd u libertà biex kulħadd ikun ħieles jgħix ħajja sħiħa”.

Tveit nkoraġixxa l-Knejjes membri tal-Kunsill Mondjali biex jitolbu għal dawk maqtula jew milquta minn dawn it-traġedji u appella għal solidarjetà ekumenika quddiem dan it-terrur u l-vjolenza.