Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jitlob mandat kontra l-MEPA fuq razzett

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ppreżenta talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-MEPA rigward applikazzjoni għall-bini ta’ razzett tat-tiġieġ fl-inħawi magħrufa bħala Tad-Dikkiena, fil-limiti tas-Siġġiewi.
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet b'mod proviżorju din it-talba tal-Kunsill u ddeċiediet li tagħti għaxart ijiem żmien biex il-MEPA tippreżenta r-risposta. 
F’Settembru li għadda l-Kunsill tas-Siġġiewi unanimament kien oġġezzjona mal-MEPA dwar dan l-iżvilupp għaliex qed jitqies mhux f’postu mal-ambjent rurali tal-inħawi.
Il-Kunsill talab li l-Qorti żżomm lill-MEPA milli tipproċessa u tiddeċiedi din l-applikazzjoni.
Il-Kunsill tas-Siġġiewi sostna li qed jagħmel din it-talba wara li l-Case Officer tal-MEPA biddel ir-rakkomandazzjonijiet minn waħda kontra l-iżvilupp għal waħda favur.
Il-Kunsill qal li ma ġiex infurmat u din id-deċiżjoni ttieħdet minn wara daharu.
Fost ir-raġunijiet imressqa, l-Kunsill qed isostni li dan ir-razzett se jikkawża rwejjaħ, impatt viżibbli negattiv, riskju ta’ kontaminazzjoni u impatt negattiv fuq il-proġett tad-Dar tal-Providenza u l-ambjent rurali.
It-talba saret ftit siegħat qabel laqgħa tal-MEPA li kienet se tiddiskuti din l-applikazzjoni. 
Il-każ se jinstema' fil-Qorti fis-27 ta' Marzu li ġej.