Il-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex jgħid li l-MEPA trid ittellef il-fondi Ewropej

Il-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex se jieħu l-passi kollha neċessarji kontra l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA wara li din l-Awtorità qed thedded lill-Kunsill li jitwaqqaf il-proġett li qed isir fiċ-ċentru tal-lokalità.
Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex qed isostni li bl-aġir tagħha, il-MEPA se ttellef lill-Kunsill Lokali b’€1.7 miljun f’fondi għaliex qed tagħżel li tisma’ opinjonijiet u protesti tal-għaqda, Flimkien għal Ambjent Aħjar.
Intqal li l-Kunsill ġie mhedded mill-MEPA li l-proġett jitwaqqaf u dan ikun ifisser telf ta’ fondi għall-ġid tar-residenti.
F’Ottubru, il-Kunsill Lokali ppreżenta appell mid-deċiżjoni tal-MEPA u ġie ppreżent ukoll protest ġudizzjarju fit-23 ta’ Diċembru li għadda.
Il-Kunsill qal li se jagħmel dak kollu possibbli biex isseħħ ir-rieda tal-maġġoranza, is-siġar li hemm fil-pjazza jiġu rilokati u l-proġett isir kollu.
L-istqarrija ssostni li huwa dokumentat li l-għeruq ta’ dawn is-siġar qed jagħmlu ħsarat kbar lill-fdalijiet arkeoloġiċi li hemm taħt il-pjazza u l-Kunsill Lokali akkwista l-fondi biex jinkixfu u jiġu apprezzati mill-pubbliku.
Il-Kunsill Lokali kkonkluda li l-pożizzjoni tal-MEPA tfisser it-telf tal-fondi Ewropej u ċ-ċans li dan il-wirt storiku jiġi kkonservat u espost għall-komunità. 

Risposta FAA
Flimkien għal Ambjent Aħjar tinnota li l-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex qed iqis bħala leġittima d-deċiżjoni li jitneħħew is-siġar mit-Tokk. FAA iżda ssostni li dawn is-siġar huma protetti skont l-Att dwar it-Siġar tal-2011 kif ikkonfermat mill-MEPA u għalhekk jekk il-Kunsill Lokali ineħħi s-siġar mill-post ikun qed jikser il-liġi.