Is-suq tan-Nadur mhux se jintrama minħabba r-riskju tat-tixrid tal-coronavirus

Nadur Local Council / Facebook

Read in English.

Il-Kunsill Lokali tan-Nadur iddeċieda li minkejja li minn għada, is-swieq jistgħu jerġgħu jibdew jintramaw, is-suq fin-Nadur mhuwiex se jiftaħ.

Fuq Facebook, il-Kunsill Lokali kiteb li ddiskuta s-Suq fil-Beraħ u jekk dan għandux jerġa’ jibda jintrama, iżda ddeċieda li għalissa dan ma jiġix organizzat.

Minn għada, se jibdew jinfetħu r-ristoranti, il-parrukkiera u l-barbiera, tad-dwiefer u l-beauticians. Is-swieq huma permessi jerġgħu jintramaw ukoll, u jista’ jkun hemm ġemgħat ta’ sitt persuni f’postijiet pubbliċi.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill ittieħdet sabiex tingħata prijorità lis-saħħa, mhux lill-attività ekonomika f’dan il-mument sakemm ikun hemm żviluppi oħra pożittivi fil-pajjiż. Il-Kunsill stqarr li ma jridx ikun hu li jorganizza attivitajiet fil-pubbliku minħabba r-riskji bl-imxija tal-coronavirus, peress li “ma jistax ikun hemm kontroll assolut.”

Il-Kunsill issokta jgħid li jixtieq jevita mases ta’ nies fl-istess spazju fir-raħal għalissa. “Filwaqt li nifhmu li l-Gvern qed iqis dan iż-żmien bħala tranżizzjoni, il-Kunsill jifhem li xorta mhux żmien normali u rridu nkunu ċerti dwar x’miżuri għandhom jittieħdu biex jerġgħu jibdew attivitajiet bħal dawn.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn