Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl bi proposti lill-Gvern dwar l-irziezet tal-ħut

Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ippropona għadd ta’ proposti dwar iċ-ċaqliq tal-irziezet tal-ħut, hekk kif l-operaturi tar-razzett tal-ħut AJD Tuna Limited applikaw sabiex l-irziezet tagħhom ta’ Kemmuna u San Pawl il-Baħar jimxu għal Qawra.
Il-kunsill qal fi stqarrija li mhux se jaċċetta s-sitwazzjoni tas-sena l-oħra, hekk kif it-tniġġis mill-għalf tal-ħut miżmum f’dawn l-itziezet niġġes l-ibħra tal-madwar.
Sadanittant, il-kunsill organizza laqgħa pubblika dwar l-isfidi tal-irziezet, fejn ġie maqbul li d-deċiżjoni li dawn jitressqu fiż-żona t’akwakultura l-Qawra sal-aħħar ta’ Mejju hi waħda raġonevoli.
Minkejja dan, il-kunsill saħaq li jekk iċ-ċaqliq ta’ dawn l-irziezet se jikkawża aktar ħmieġ u disturb, mela jkun aħjar li ma jiċċaqalqux sakem jinstabu metodi oħra ta’ ċaqliq.
Il-kunsill talab lill-Gvern dawn l-affarijiet:

  • Jiġi konkluż immedjatament l-istudju dwar iż-żona l-ġdida tal-akwakultura
  • Garanzija bankarja li l-għalf ma jkunx ta’ ħsara għall-ibħra
  • Il-gaġeġ ikunu mdawra b’materjal biex jilqa’ l-ħmieġ
  • Testijiet b’mod kostanti sabiex ikun żgurat li l-baħar nodfa

F’Settembru li għadda, il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ivvota unanimament biex jiġu revokati 10 permessi dwar erba' rziezet tal-ħut, wieħed minnhom dak tas-Sikka l-Bajda f’San Pawl il-Baħar.