Filmat: Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann se jiċċaqlaq għall-Ġnien Karin Grech

Is-Segretarju Parlamentari Jose Herrera saħaq li se jaħdem biex fi żmien qasir il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann jopera mill-klabb il-ġdid tal-boċċi. Qal ukoll li se jitlob li jsir rapport mid-Direttur tal-Kunsilli Lokali dwar ix-xiri tal-bini, li l-Kunsill fadallu jħallas €90,000. 

Herrera qal dan meta żar il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann fejn iltaqa' mas-Sindku u l-Kunsilliera u ra mill-viċin il-ħsarat li seħħew f'dawn l-aħħar jiem fil-Kunsill meta ċeda s-saqaf minfejn kien jingħata t-taħriġ tal-kompjuter. 

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li partijiet oħra tal-bini tal-Kunsill huma kkundannati.

Is-Sindku Etienne Bonello DuPuis qal li l-post inbena lejn l-aħħar tas-snin sittin u li meta l-Kunsill kien wasal biex jixtri sit ġdid kien issuġġerixxa post ieħor iżda l-Kunsill kien ivvota favur dan is-sit, li qabel kienet villa. F'dawn iċ-ċirkostanzi sostna s-Sindku, il-Kunsill Lokali għandu bżonn post alternattiv.

Is-Segretarju Parlamentari Jose Herrera ta aktar dettalji dwar it-trasferiment tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann minn Triq Caruana għall-ġnien Karin Grech.

Herrera qal li mhux aċċettabbli li ċ-ċittadini ta' San Ġwann ma jkollhomx post minfejn jinqdew. 

Għalhekk se jara li l-proċess ta devoluzzjoni tal-klabb tal-boċċi lill-Kunsill jitħaffef. Il-fondi mistennija li jkunu parti mill-baġit għas-sena d-dieħla.

Kien il-Kunsill li talab li jingħata dan il-post biex ikompli jiffunzjona. Se jsiru aktar laqgħat ukoll mal-Ministeru tal-Infrastruttura dwar il-proġett fil-ġnien ta' Karin Grech. 

Aktar kmieni s-sena li għaddiet, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann kellu jimxi għall-ġnien Karin Grech, fejn kienu wkoll ħarġu l-pjanti u l-permessi għall-bini ta’ ċentru ċiviku ġdid wara li jsiru x-xogħlijiet ta’ tisbieħ fil-ġnien. Il-klabb tal-boċċi li hemm fil-ġnien kellu jkun trasferit għal post ġdid fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Żwejt.

Sfortunatament matul dawn l-aħħar xhur il-Kunsill Lokali baqa’ fejn kien.

Fil-preżent il-ħaddiema tal-Kunsill Lokali ngħataw struzzjonijiet li ma jaħdmux mill-uffiċċju u minflok qed joffri ftit mis-servizzi possibbli mill-parapett.