Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk b’appell biex min jarma fil-monti jsegwi r-regolamenti

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qiegħed iħejji għall-monti tal-Ħadd, li normalment jattira madwar 60,000 persuna, kemm turisti u anke Maltin, issa li s-swieq jistgħu jerġgħu jarmaw peress li mill-bieraħ bdew jiġu llaxkati xi miżuri tal-coronavirus. Huwa appella lil dawk li jarmaw fis-suq sabiex iżommu d-distanza minn xulxin u jsegwu r-regolamenti kollha, għaliex jekk le, il-Kunsill ikollu jieħu l-passi.

Fi stqarrija mibgħuta lill-midja lbieraħ, il-Kunsill Lokali qal li jirrokonoxxi li din iċ-ċifra issa tonqos minħabba l-prekwazjonijiet għal min hu vulnerabbli u anke peress li m’hawnx turisti. 

L-istqarrija tgħid li filwaqt li l-Kunsill lest jilqa’ l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Gvern u mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-prijorità tibqa’ s-saħħa tar-residenti, u għalhekk, se jaraw li jitħarsu r-regolamenti kollha. Il-Kunsill avża li, “Irid ikun hemm kontroll hekk kif inhu meħtieġ biex kemm ir-residenti tagħna u kif ukoll kull min jiġi jżur dan ir-raħal pittoresk tagħna jkun imħares u protett.”

Ara l-lista sħiħa ta’ miżuri hawn
Hand sanitizer u perspex fost il-miżuri għal tal-monti

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk stqarr li jirriżerva d-dritt li jekk il-linji ta’ direzzjoni, fosthom l-aktar importanti ta’ spazju rikjest bejn il-bankarelli u tal-ammont ta’ nies li jistgħu jinġabru quddiem dawn, ma jitħarsux jew ma jitwettqux, il-Kunsill ma tibqagħlu l-ebda għażla oħra ħlief li jirrikorri għal miżuri u deċiżjonijiet ulterjuri oħra meħtieġa biex din l-imxija pandemika ma tkomplix u jissalvgwardja lir-raħal tiegħu.

Dan l-avviż jgħodd ukoll għar-ristoranti kollha f’Marsaxlokk.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn