Read in English.
Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala qed joġġezzjona għall-proposta ta’ ċinema drive-in fuq art agrikola fil-lokalità.
Dan qalitu l-Viċi Sindku Janice Falzon fuq Facebook, hi u tħeġġeġ lir-residenti biex jiffirmaw l-oġġezzjoni wkoll sabiex din l-applikazzjoni (PA8833/20) tiġi rifjutata.
Id-dettalji pubbliċi dwar dan il-proġett għadhom skarsi, imma s-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar juri li l-pjanijiet ikopru żona konsiderevoli ta’ art agrikola, li jwasslu mit-Torri Mamo – residenza privata msaħħa li tmur lura għal żmien il-Kavallieri – għal-limiti tal-kmamar tad-dgħajjes li hemm madwar il-bajja. Torri Mamo nnifsu mhux parti mis-sit: ir-residenza storika hi propjetà pubblika taħt il-ħarsien ta’ Din l-Art Ħelwa.
L-applikazzjoni saret f’isem l-avukat Martin Testaferrata Moroni Viani mill-perit Brian Ebejer fil-15 ta’ Ottubru, iżda ġiet ippubblikata l-ġimgħa li għaddiet.
Se tibqa’ miftuħa għal kull min jixtieq jagħmel oġġezzjoni sal-1 ta’ Frar, bil-PA timmira li tlesti l-asssesjar tagħha tal-applikazzjoni sas-17 ta’ April.
Tista’ tiffirma l-oġġezzjoni minn hawn.