“Il-Kunsill Lokali ma jafx x’xogħlijiet se jsiru f’Buġibba” – Is-Sindku

Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea qalet li ma tafx x’tip ta’ xogħlijiet se jsiru fuq il-promenade ta’ Buġibba.
Ma’ Newsbook.com.mt Graziella Galea qalet li la hi u lanqas il-Kunsill Lokali ma kienu kkonsultati fuq ix-xogħlijiet li se jsiru fit-toroq ta’ Buġibba.
Galea qalet li filwaqt li tilqa’ dan il-proġett tittama li jsir koordinament neċessarju mal-Kunsill sabiex ix-xogħol isir kif suppost bl-inqas inkonvenjenza.
Dwar il-promenade f’Buġibba, Galea qalet li jsiru diversi xogħlijiet imma issa se jsiru xogħol fuq il-medda kollha u għalhekk m’għandux isir xogħol ta’ resurfacing jew reconstruction biss.
Saħqet li la jsir xogħol fuq il-medda kollha għandhom jittranġaw is-servizzi fosthom tal-ilma.
Spjegat li dan l-investiment fit-toroq se jsir mill-50 ċenteżmu miġbura mit-turisti għal kull lejl li jagħmlu f’Malta.
Qalet li f’diversi laqgħat li kellha dejjem saħqet li bħala lokal li għandu l-aktar sodod għat-turisti għandu jsir investiment xieraq fosthom fil-promenade ta’ Buġibba.