Il-Kunsill jgħid li l-problema tal-iskart għax in-nies irresponsabbli

Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qal ma’ Newsbook.com.mt li l-problema wara drabi fejn ma jinġabarx sew l-iskart huwa kawża tal-irresponsabbiltà tan-nies li joħorġu l-boroż wara l-ħin li jgħaddi t-trakk.
Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, Newsbook.com.mt ppubblika artiklu dwar l-iskart li kien qed jinġema fi Triq Quintinus fil-Qawra. Ftit tas-sigħat wara li kien ippubblikat l-artiklu, l-iskart tneħħa minn fuq il-post.
Il-Kunsill Lokali kkonferma li kien jaf b’din is-sitwazzjoni u li kull darba li rċevew ilmenti ta’ dan it-tip immedjatament jikkuntattja lill-kuntrattur sabiex jinfurmah li hemm il-possibilità li l-iskart ma nġabarx kif suppost.
Il-Kunsill fakkar ukoll li huwa llegali li wieħed minflok joħroġ il-borża taż-żibel quddiem il-bieb tad-dar tiegħu stess, jagħmilha f’xi kantuniera.
Wara t-tindif taż-żona rrappurtata minn Newsbook.com.mt, il-Kunsill Lokali qal li nstabu boroż tal-kostruzzjoni u skart imħallat u li għalhekk għada se jkun qed jintgħażel kuntrattur privat sabiex l-iskart jitqassam kif suppost.
Mistoqsi għalfejn din it-triq partikolari ġiet abbandunata mit-trakk tal-iskart, il-Kunsill Lokali nsista li qatt ma ġiet abbandunata hekk kif it-trakk jidħol fiha kuljum.