Il-Kunsill jaħfirlu l-multa għaż-żibel li tefa’ fl-iskipp

Iċ-ċitazzjoni li nagħta ż-żagħżugħ li tefa’ ż-żibel fi skipp f’Birkirkara, inħafritlu mill-Kunsill Lokali stess.
Ma’ Newsbook.com.mt, iż-żagħżugħ qal li kien irċieva telefonata mill-Kunsill Lokali fejn qalulu li ċ-ċitazzjoni li nagħta ġiet maħfura, għax tmur kontra l-policy tal-Kunsill. Il-Kunsill Lokali qallu li l-għan tal-Kunsill hu li jippromwovi l-indafa f’Birkirkara u dan il-każ ma kienx qed jgħin.
F’April li għadda, iż-żagħżugħ kien irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt kif taż-żibel jgħaddi għal ħabta tan-nofsiegħa ta’ wara nofsinhar u biex ma jħalluhx wara l-bieb,  qabel imorru x-xogħol jarmuh fl-iskipp li hemm fit-tarf tat-triq.
Spjega kif għodwa minnhom kien hemm gwardjana lokali pajżana li wara li ħallietu jitfa’ ż-żibel fl-iskipp, ġiegħlitu jiġbru u tagħtu multa ta’ ftit iktar minn €46. Dan minħabba li kien għadu ma qalibx ir-residenza fuq il-karta tal-identità u li l-karozza hi rreġistrata b'indirizz f'Ħal Tarxien.
Sostna li hu ma jħoss li għamel xejn ħażin, għax iż-żibel tefgħu fl-iskipp u mhux ħdejha.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara kienet qalet li ma kinitx infurmata li teżisti bye law li tispeċifika min jista’ jarmi fl-iskipps.