“Il-Kunsill ħalla l-fish farm f’San Pawl il-Baħar jikber”

L-attivisti ta’ Stop the Slime li qed jissieltu sabiex iwaqqfu t-tniġġis tal-bajjiet lokali minħabba n-negliġenzi tal-operaturi tal-fish farms, sostnew li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ma oġġezzjonax li jiżdiedu bid-doppju l-gaġġeġ ‘il barra mill-bajja.

Dan qaluh permezz ta’ messaġġ fuq Facebook fejn sostnew li lanqas biss kienu infurmati dwar il-laqgħa li saret ilbieraħ u li fiha ġie diskuss it-tkabbir tal-fish farm.

L-attivisti sostnew li l-ewwel laqgħa li kellha ssir nhar l-Erbgħa u li kellha tiddiskuti l-gaġġeġ tat-tonn, waqfet ħesrem hekk kif qalu li l-eks-Sindku Graziella Galea ħarġet mil-laqgħha eżatt qabel ma bdew id-diskussjonijiet.

Filwaqt li esprimew id-diżappunt tagħhom għad-deċiżjoni tal-Kunsill, irrimarkaw li jinsabu ferm aktar iddiżappuntanti li minkejja li s-Sindku preżenti Anne Fenech ikkonfermat magħhom li kienu se jgħarrfuhom bid-data u l-ħin tal-laqgħa din il-wiegħda ma żammewx magħha.

Spjegaw li saru jafu bil-laqgħa tal-bieraħ waqt li kienet qed issir u għaldaqstant mill-ewwel irrikorrew għaliha mingħajr l-ebda ċans sabiex jippreparaw ruħhom. Għal din il-laqgħa qalu li kien hemm preżenti t-tim kollu u s-sidien tal-fish farm.

Fl-aħħar jiem, il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ddirezzjona lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u lid-Dipariment tas-Sajd biex jieħdu passi kontra l-fish farms li ma kienux qed jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-permess tagħhom.

Dan wara li diversi żoni madwar in-naħa t’isfel ta’ Malta ġew affettwati b’mod negattiv minħabba materjal ġej mill-fish farms li nfirex mal-kosta.

Newsbook.com.mt ipprova jagħmel kuntatt mas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, madanakollu sal-mument tal-pubblikazzjoni ma kienx hemm risposta.