​Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti jippubblika t-tieni rapport annwali tiegħu

Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti ħareġ it-tieni rapport annwali tiegħu.
Fi stqarrija, iċ-Ċermen tal-MFAC innota li fit-tieni sena mit-twaqqif tiegħu, il-Kunsill saħħaħ l-istruttura organizzattiva u nieda l-iskeda tal-publikazzjonijiet annwali tiegħu.
Huwa qal li l-politika fiskali soda hija msejsa fuq it-teħid ta’ deċiżjonijet tajba u f’waqthom li jissalvagwardjaw is-sostenibbilità fiskali li b’hekk tgħin sabiex ikun hemm tkabbir stabbli fl-ekonomija.
Qal li l-MFAC jiltqa’ l-impenn tal-Gvern sabiex id-defiċit fiskali u d-dejn pubbliku jitnaqqas, meta dawn ikunu meqjusa bħala proporzjoni tal-PGD, sabiex jintlaħaq l-Objettiv ta’ Terminu Medju li jkun hemm pożizzjoni fiskali ta’ bilanċ sal-2019.
Huwa rrimarka wkoll li “l-konverġenza lejn il-limitu tas-60% dejn, bħala proporzjon tal-PGD, jista’ jintlaħaq aktar qabel milli oriġinarjament mistenni, sakemm il-pjanijiet fiskali kurrenti ma jinbidlux.”
Temm jgħid li r-Rapport Annwali, minn barra li jippreżenta informazzjoni fuq ir-rwol u l-attivitajiet tal-MFAC, ikopri wkoll ġabra ta’ rakkomandazzjonijiet li għamel il-Kunsill fir-rapporti varji li ġew ippubblikati sa issa.