Il-Kunsill f’Tas-Sliema b’applikazzjoni għall-bini ta’ parkeġġ taħt l-art

Il-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema huwa l-uniku applikant biex jinbena u jiġi żviluppat parkeġġ taħt l-art taħt il-ġnien Margaret Mortimer u l-bandli f’din il-lokalità.
Il-Kunsill kien ressaq din l-applikazzjoni quddiem il-MEPA matul is-sena li għaddiet u l-applikazzjoni tinsab għall-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet.
Huwa mistenni li bil-bini ta’ dan il-parkeġġ taħt l-art jiżdiedu mal-180 post ġdid għall-parkeġġ u dan fi spazju li huwa l-istess kobor daqs il-ġnien.
Meta joħroġ il-permess mill-MEPA, il-Kunsill Lokali se jkun qed jiffinanzja l-proġett permezz ta’ fondi apposta li huma allokati għal Tas-Sliema.
Il-Kunsill enfasizza li dan il-proġett imur id f’id ma’ proġetti oħra li qed isiru f’Tas-Sliema biex jonqos l-impatt tat-traffiku.