Il-Kunsill Ewropew jinjora l-Parlament dwar Daphne

Read in English.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, qal lil ġurnalista tal-gazzetta The Guardian illi l-Kunsill Ewropew li ltaqa’ l-Ħamis u l-Ġimgħa ma iddiskutiex l-iżviluppi li saru dan l-aħħar dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Michel kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-Kunsill Ewropew. Fil-konferenza ħadet sehem ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.

Il-Parlament Ewropew bagħat rapport

Il-Ħamis il-President tal-Parlament Ewropew Charles Maria Sassoli kiteb lil Charles Michel u bagħtlu rapport li kien jinkludi talba biex il-Kunsill Ewropew jieħu passi dwar Malta. Ir-rapport inkiteb minn  Juan Aguilar u Sophie In ‘t Velt wara li mexxew missjoni tal-Parlament Ewropew li żaret Malta l-ġimgħa li għaddiet.

Sassoli anke bagħat ittra lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Il-President tal-Parlament Ewropew talabha biex tibda investigazzjoni biex tara kemm Malta qed tħares il-liġiiet. Nhar it-Tlieta li ġejjin il-Parlament Ewropew se jiddiskuti mozzjoni dwar Malta u jivvota fuqha l-għada, l-Erbgħa.

Kien hemm anke diversi MEPs li talbu li l-Kunsill Ewropew jieħu azzjoni fuq Malta.

Attakk seju fuq il-liberta tal-istampa

Il-ġurnalista ta’ The Guardian fakkret lil Michel fil-kuntatti li kellu mal-familja ta’ Caruana Galizia u staqsiet jekk il-Kunsill kienx iddiskuta l-materja.

Il-President tal-Kunsill Ewropew qal li huwa ma ried li jkun hemm l-ebda indħil politiku f’investigazzjoni li tkun għada għaddejja.

“L-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew skont il-liġi u għalhekk kien loġiku ħafna li ma tkellimniex dwar dan is-suġġett. Ma rridx li jkun hemm xi indħil fl-investigazzjoni”, qal Michel.

Huwa iddeskriva l-qtil bħala drama umana għall-familja waqt li kompla jgħid li anke kien attakk serju kontra l-liberta tal-istampa. Huwa qal li se jżomm kuntatt mal-familja Caruana Galizia u jkun lest jiltaqa’ magħhom meta jżur Malta.

Ħokkli dari u nħokk tiegħek

L-MEP Olandiża Sophie In ‘t Velt li mexxiet il-missjoni tal-Parlament Ewropew għal Malta waqt intervista esklussiva li saret ma’ Newsbook.com.mt qabel il-laqgħa tal-Kunsill qablet li l-attitudni fil-Kunsill Ewropew kienet ta’ “ħokkli dari u nħokk tiegħek.” Dan ifisser li mexxej ta’ pajjiż iżomm is-skiet dwar l-iżbalji ta’ mexxej ieħor biex dak il-mexxej ma joħloħlux problemi meta jabbuża hu. 

Newsbook.com.mt staqsa lill-MEP Olandiża dwar il-kummentarju tagħha f’Politico fejn attakkat bl-aħrax lill-membri tal-Kunsill Ewropew li jieħdu attitudni passiva quddiem abbużi kontra s-saltna tad-dritt li jsiru minn stati membri.

Hija qalet li l-membri tal-Kunsill għandhom id-dover li jħarsu l-valuri Ewropej.

Il-MEP Sven Giegold qal li s-summit ma setgħax jibqa’ silenzjuż quddiem il-problemi dwar is-saltna tad-dritt li hawn f’Malta. Huma ma setgħux ikomplu jagħlqu għajnehom għall-korruzzjoni u delitti finanzjarji f’Malta.