Il-Kunsill bla fondi biex jibdel il-pavimentar ta’ promenade f’Marsalforn

Ritratt mill-paġna ta' Facebook: Marsalforn Gozo

Il-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera qal li l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ f’Għawdex m’għandux biżżejjed fondi biex jibdel il-pavimentar ta’ promenade f’Marsalforn.

Hu qal dan hu u jwieġeb il-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Joseph Ellis, jekk il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ għandux pjanijiet sabiex jinbidel il-pavimentar tal-promenade ta’ Triq Santa Marija.

Madanakollu, Herrera qal li jinsab f’diskussjoni mal-Ministeru għal Għawdex sabiex il-proġett tal-promenade ta’ Triq Santa Marija, speċjalment fil-parti fejn jilagħbu t-tfal, isiru mill-istess Ministeru.

Aktar kmieni din is-sena tlestiet il-parti dedikata għar-ristoranti fil-proġett ġewwa l-Menqa.

Ix-xahar li għadda, sar xogħol ta’ tisbiħ u modernizzar fuq l-għassa tal-istess lokalità b’nefqa ta’ €130,000.