Il-kungress annwali tal-Ġiżwiti ltaqa’ f’Malta

Il-Fondazione Gesuiti Educazione matul il-ġimgħa li għaddiet organizza l-Kungress Internazzjonali dwar il-Ġiżwiti u ż-żgħażagħ. Fil-Kulleġġ San Alwiġi 50 student minn 16-il skola tal-Ġiżwiti ħadu sehem f’dan il-kungress li fih iddiskutew il-prijoritajiet appostoliċi mad-dinja għal dawn l-10 snin li ġejjin.

Kull delegazzjoni ppreżentat l-akkumpanjament u l-formazzjoni li rċevew mingħand il-Ġiżwiti kif ukoll il-proġetti innovattivi u l-programmi immirati għaż-żgħażagħ li qed jaħdmu fuqhom. Permezz tal-attivitajiet li saru l-istudenti kellhom l-opportunità li jiskopru aktar lilhom infushom f’kuntest volontarju, irtiri spiritwali u attivitajiet soċjali.

Matul dan il-kungress kien hemm diversi laqgħat iffukati fuq il-promozzjoni tal-eżerċizzju spiritwali u d-dixxerniment komunitarju, l-akkumpanjament spiritwali taż-żgħażagħ, il-ħidma mal-foqra u kif ikun hemm iktar għarfien dwar il-kwistjonijiet ambjentali.

L-istudenti kienu qed joqogħdu mal-familji tal-istudenti li jattendu l-iskola post sekondarja ta’ San Alwiġi.

Il-komunità tal-Ġiżwiti f’Malta tagħmel parti mill-provinċja Ewromediterranja li tinkludi l-Italja, l-Albanija, ir-Rumanija u Malta.