Il-kunflitt fis-Sirja jħalli tliet miljun refuġjat

Aktar minn tliet miljun persuna ħarbet mill-kunflitt fis-Sirja u bħalissa qed ifittxu l-ażil f’pajjiżi oħra.
Skont rapport li ħareġ min-Nazzjonijiet Uniti, is-sitwazzjoni tar-refuġjati li qed jaħarbu mis-Sirja qiegħda dejjem tmur għall-agħar.
Il-Qorti għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti qed tgħid li dik tas-Sirja hija l-ikbar operazzjoni ta’ emerġenza umanitarja fl-era moderna.
Il-maġġoranza tar-refuġjati ħarbu lejn il-pajjiżi ġirien tas-Sirja. L-akbar numru daħal fil-Libanu.
Aktar minn 190,000 persuna inqatlet fil-kunflitt li ilu għaddej tliet snin.
Il-ġlied fis-Sirja beda lura f’Marzu tal-2011 meta l-President Bashar al-Assad uża l-vjolenza biex irażżan il-protesti li qamu kontra t-tmexxija tiegħu.
Is-sitwazzjoni baqgħet sejra għal agħar meta bdew javvanzaw il-gruppi estremisti bħal Islamic State li bħalissa jokkupa partijiet kbar mis-Sirja u mill-Iraq.