Il-kundizzjonijiet tan-negozju baqgħu l-istess – Bank Ċentrali

Read in English.

L-Aġġornament Ekonomiku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta innota li l-Kundizzjonijiet tan-Negozju baqgħu l-istess meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, iżda kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet xi ftit jew wisq ogħla mill-medja.

Is‑sentiment ekonomiku żdied fuq il‑medja storika tiegħu tul ix‑xahar. Skont l-Aġġornament Ekonomiku, iż-żieda fil‑fiduċja fis‑setturi tas‑servizzi u tal‑industrija għelbet tnaqqis fis‑sentiment fis‑sottokomponenti l‑oħrajn kollha, notevolment fil‑kostruzzjoni.

F’Awwissu, l-Bank Ċentrali qal li t‑tkabbir annwali fil‑wasliet ta’ turisti kien ogħla minn dak irreġistrat xahar qabel. Il‑produzzjoni industrijali wkoll żdiedet b’ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel ma’ Lulju. Bl‑istess mod, il‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut kiber b’mod sinifikanti fuq sena ta’ qabel.

Il-Bank Ċentrali qal li l‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol komplew ikunu favorevoli, bin‑numru ta’ nies qiegħda rreġistrati u r‑rata tal‑qgħad jibqgħu baxxi minn perspettiva storika. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet bi ftit għal 1.9% f’Awwissu. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI) kienet stabbli fil‑livell ta’ 1.7%.

Iżda d‑depożiti tar‑residenti Maltin żdiedu b’ritmu annwali inqas mgħaġġel ta’ 4.6% fis‑sena sa Awwissu, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f’Malta żdied b’5.8% matul dan il‑perjodu.

Il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra bilanċ pożittiv ogħla meta mqabbel ma’ Awwissu tal-2018.