Il-kunċert ta’ Celine Dion għal Ta’ Qali

Read in English.

Jidher li hemm stennija kbira għall-kunċert ta’ Celine Dion li se jsir fis-27 ta’ Lulju 2020. Dan joħroġ biċ-ċar mill-mod kif f’inqas minn 24 siegħa, ‘l biljetti għal dan il-kunċert kienu diġà nbiegħu kollha.

Huwa għalhekk li NnG Promotions ħabbru li l-kunċert issa se jkun qed isir f’Ta’ Qali, biex b’hekk tkun tista’ tintlaħaq id-domanda li hawn biex ħafna jmorru jaraw l-ewwel wirja ta’ din il-kantanta f’Malta.

NnG Promotions ħabbru li l-biljetti mixtrija diġà xorta se jibqgħu validi, inklużi fil-postijiet kif ġew ibbukkjati.

Sal-età ta’ 18-il sena Celine Dion kienet diġà rebħet bosta unuri u fis-Snin 90 iddominat iċ-charts u biegħet kważi 250 miljun album f’karriera ta’ aktar minn 35 sena.

Hija rebħet ħames Grammy Awards, żewġ Academy Awards, seba’ American Music Awards, 20 Juno Awards kif ukoll 40 Félix Awards.

Fl-2004 hija ġiet onorata bid-Diamond Award waqt il-World Music Awards tal-2004.

Dan l-aħħar Dion ħarġet tlett siltiet mużikali mill-album il-ġdid tagħha Courage.

 “Imperfections”, “Lying Down,” u “Courage” jirrappreżentaw direzzjoni kreattiva ġdida għal din l-artista u s-segwaċi tal-kantanta se jkollhom iċ-ċans li jgawdu mill-mużika tagħha meta l-album Courage jkun għall-bejgħ fil-15 ta’ Novembru.

Intant aktar biljetti għall-kunċert f’Malta ta’ Celine Dion se jkunu għall-bejgħ nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru minn showshappening.com minn nofsinhar ‘il quddiem.