Il-kunċert Rising Stars illejla fuq TVM2

Il-kunċert Rising Stars 14th International Spring Festival li kien organizzat minn Karl Fiorini bħala parti mill-International Spring Orchestra Festival 2020 se jkun qed jixxandar illejla fid-9.30pm fuq TVM2. Għall-bidu kien maħsub li jinżamm fil-Palazz tal-President  imma minħabba l-imxija tal-Covid-19 dan ma sarx. Għalhekk sar recording tal-kunċert li issa jista’ jitgawda fuq it-televiżjoni.

Peress li din is-sena hu l-250 anniversarju mit-twelid tal-kompożitur Beethoven, l-għażla tas-siltiet magħżula għall-kunċert saret aktar bil-għaqal. Fost ix-xogħlijiet li se jinstemgħù nsibu l-Moonlight Sonata u r-Romance in F.

Minbarra Beethoven il-kunċert jinkludi diversi stili mużikali, b’xogħlijiet ta’ Rachmaninoff, George Curmi Pusè, Kreisler u Bizet, li se jkunu qed jitwasslu minn Daniel Zak Borg u Bernard Curmi.

Kuncert Rising Stars

Dan il-kunċert ikollu repetizzjoni għada l-Ħadd 20 ta’ Diċembru fis-1.30pm fuq TVM2.