Il-kunċert In Praise of Music f’Għajnsielem

Il-kunċert In Praise of Music, li kellu bħala protagonisti it-tenur Angelo Muscat minn Għajnsielem, is-sopran Ruth Portelli mill-Qala u l-pjanista Marita Debattista minn Nadur, sar nhar il-Gimgħa filgħaxija, 26 t’April fil-Knisja tal-Patrijiet ta’ Gieżu tal-Imġarr Għawdex.

Għalih kienu preżenti xi Għajnselmiżi u barranin,  flimkien mas-Sindku Franco Ċiangura flimkien mal-Kunsillier Kevin Cauchi u Patri Gwardjan Fr Joe li għamel indirizz ta’ merħba.

Wara l-Kav Joe M Attard, li ppreżenta l-programm,  qara l-poeżija tiegħu ‘L-Għid it-Tajjeb’ u għadda biex introduċa l-ewwel żewġ għanjiet: ‘Per la Gloria dadoravi’  ta’ G.B. Bononcini u ‘Panis Angelicus’ ta’ Caesar Franc.  Kien imiss imbagħad li nisimgħu ‘Lascia che io pianga’ ta G.F. Handel u ‘Anima Christi’ ta’ Monsinjur Frisina.  Bi ħlewwa liema bħalha, it-Tenur Angelo Muscat interpreta imbagħad l-‘Ave Maria’ ta’ Shubert waqt li flimkien mas-Sopran Ruth Portelli imbagħad smajna l-‘Ave Verum’ ta’ Mozart.

Il-poeta żagħżugħ Francesco Pio Attard ħa imbagħad il-mikrofonu f’idejh biex qara l-poeżija tiegħu ‘….u Qam Rebbieħ’.  Dritt wara mill-ġdid kompla dan il-Kunċert tal-Għid biż-żewġ kantanti jinterpretaw l-ewwel ‘Ombra mai fu’ ta’ Handel u ‘You raise me up’ ta’ Reuben Morgan.  It-tenur Muscat kanta ‘preghiera davanti al Crocefisso’ ta’ R. Callejja u wara flimkien mas-sopran Portelli, ‘Pie Jesu’.

Il-kunċert għalaq bil-‘Lord’s Prayer’ u b’The Prayer’ ta David Forster bl-applawsi mistħoqqha ta’ dawk kollha li laqgħu din l-istedina li għamlilhom t-tenur żagħżugħ Angelo Muscat li nhar il-Ħadd 5 ta’ Mejju se jkun mill-ġdid ikanta fil-Knisja tal-Karmnu fix-Xlendi akkumpanjat fuq il-pjanu minn Mro Dr John Galea f’okkażjoni ta’ tifkira f’ġieħ żewġ Sindki Għawdxin li ħallewna qasir il-għomor:  Tony Borg, ex Sindku tal-Fontana u Carmena Said ex Sindku tal-Munxar, okkażjoni mlaqqma In Memoriam organizzata mill-Fondazzjoni Papa Gwanni Pawlu t-Tieni.

Kav Joe M Attard

Rabat – Għawdex