Id-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat bil-qtil ta’ Chetcuti

Read in English.

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, li nqatlet fi Frar li għadda permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina. Fil-Qorti llum kienu ppreżentati CDs li fuqhom hemm filmati tas-CCTV tal-akkużat dieħel fid-depot tal-Furjana lura fit-2 ta’ Frar.

L-avukat tad-difiża, Franco Debono, talab għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, raġel ta’ 33 sena. Il-prosekuzzjoni mmexxijja mill-Ispettur Kurt Zahra argumentat li għad fadal xhieda kruċjali.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li fil-31 ta’ Awwissu, il-Prosekuzzjoni għandha tressaq sabiex jixhdu omm u ħu l-vittma, u xi xhieda pajżana oħra. Ix-xhieda tal-31 ta’ Awwissu għandha tibda fid-9am.

09:58 Grazzi talli segwejtuna.
Nicole Borg
09:54 Il-Qorti talbet biex il-qraba tal-vittma jixhdu l-ġimgħa d-dieħla. Qalet li f'dan l-istadju aħjar li r-rikors tal-ħelsien evalwat u r-risposta tingħata fis-seduta li jmiss. Il-Qorti ordnat li l-qraba tal-vittma, kif ukoll ix-xhieda pajżana indikati jinġiebu sabiex jixhdu fil-31 ta' Awwissu fid-9am.
Nicole Borg
09:53 L-Ispettur Zahra qal li fadal ukoll xhieda pajżana, apparti l-qraba tal-vittma.
Nicole Borg
09:50 Dr Debono insista li hu qed jitkellem fuq il-libertà tan-nies. Qal li din hija loġika bażika.

L-Ispettur Zahra qal li fadal tixhed omm il-vittma wkoll. Qal li s-saħħa ta' omm il-vittma, minħabba raġunijiet ovvji marret lura ħafna. Qal li din il-ġimgħa biss kien infurmat li setgħet titla' tixhed. Qal ukoll li fadal ħu l-vittma.
Nicole Borg
09:45 Dr Debono talab biex il-Qorti tkun sensittiva. Qal li sitt xhur wara, l-Ispettur għadu qed jgħid li hemm xhieda sensittiva. Insista li l-Ispettur messu ġab din ix-xhieda aktar kmieni la din ix-xhieda hija sensittiva. "Jekk l-ispettur jibqa' ma jġibx ix-xhieda jien x'se nagħmel nibqa' bla bail?" qal Debono.

"Illum kollha qiegħdin hawn, għaliex ma ġabux illum ix-xhud?"

Il-Maġistrat Montebello qalet li jidher li x-xhud ma setax jiġi llum u b'hekk il-kawża se tkun qed tinstema' fid-29 ta' Settembru.
Nicole Borg
09:44 Zahra semma l-każ tal-aħwa Degiorgio. Qal li kull ksur tal-Qorti Kriminali joħloq xi tip ta' allarm.
Nicole Borg
09:43 L-Ispettur Zahra insista li dan għadu stadju bikri. Insista li fadal mhux biss xhieda pajżana, imma fadal ukoll qraba tal-vittma u tal-imputat li jridu jitilgħu jixhdu. Qal li jemmen li dan l-istadju huwa prematur biex wieħed jgħid li l-każ m'għadux fi stadju bikri.
Nicole Borg
09:41 Dr Debono qal li jekk il-Qorti tkun konvinta li bil-kundizzjonijiet li timponi fuq il-ħelsien mill-arrest, l-inkwiet u t-tħassib tal-Qorti għandhom ikunu newtralizzati.
Nicole Borg
09:36 Dr Franco Debono jitlob għal ħelsien mill-arrest tal-imputat. Qal li hu kellu każ identiku ta' Lorin Scicluna u Francesco Fenech fis-16 ta' Diċembru tal-2019, li sostna li qajjem agħa aktar minn dan il-każ u ħareġ ħelsien mill-arrest f'dak il-każ. Qal li jkun hemm każijiet li persuni jieħdu l-ħelsien mill-arrest. Sostna li Justin Borg, ilu arrestat sitt xhur u llum jidhirlu li l-istadju bikri nqabeż u x-xhieda li kellhom jixhdu xhedu.
Nicole Borg
09:35 Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Kurt Zahra qal li l-kontenut tal-filmati li ġew eżebiti jirreferu għall-episodju meta allegatament l-imputat daħal fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija fit-2 ta' Frar.
Nicole Borg
09:34 L-avukat Franco Debono staqsa x'kienet ir-raġuni għal dan. Ix-xhud ikkjarifika li ma ngħatax raġun, iżda ġie mitlub jagħmel dan u għamlu.
Nicole Borg
09:33 Jitla' jixhed Pulizija li ppreżenta footage tas-CCTVs tad-data tat-2 ta' Frar tal-2020 mis-7pm sal-11pm. Hu ppreżenta żewġ CDs. Hu kien inkarigat jagħmel kopji tal-filmat tas-CCTVs ta' barra d-depot tal-Furjana.
Nicole Borg
09:30 Preżenti fl-awla hawn l-akkużat bil-pulizija maġenbu. Daħlet ukoll il-Maġistrat Rachel Montebello. Preżenti fl-awla hemm l-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra u l-avukat tad-difiża Dr Francesca Zarb u Dr Franco Debono.
Nicole Borg
09:27 Il-ġurnata t-tajba, Newsbook.com.mt jinsab live minn awla numru 9.
Nicole Borg

Xi spikka fl-aħħar smigħ?

  • Fil-Qorti kienet ippreżentata USB bil-konverżazzjonijiet permezz ta’ chats ta’ bejn il-vittma u l-akkużat.
  • “Qabel ma kellhom it-tfal, l-akkużat kien bagħtilha ittra fejn qalilha li jekk ma tkunx miegħu joqtol lilu nnifsu b’overdose” – il-kuġina ta’ Chantelle.
  • “Kont ilni inkwetata għaliha 10 ijiem meta kien ħabat f’ħajt u hi kienet passiġġiera fil-karozza” – il-kuġina ta’ Chantelle.
  • Chetcuti ma riditx tmur lura d-dar għax ma kinitx ċerta jekk riditx terġa’ tidħol f’relazzjoni miegħu.
  • Kuġintha ftakret kif is-sena li għaddiet marru l-festa ta’ Ħaż-Żabbar mingħajr ma qalu lil Borg. Hu sar jaf u tfaċċa l-festa. Huma spiċċaw bl-akkużat jiġri warajhom fit-toroq.
  • “Dakinhar li nqatlet kellna mmorru picnic flimkien imma mbagħad iddeċidiet li toħroġ,” qalet il-ħabiba tal-vittma.