Il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech tkompli mill-1 ta’ Ġunju

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tas-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, mistennija tkompli fl-1 ta’ Ġunju. Newsbook.com.mt jinsab infurmat li din il-kumpilazzjoni se tkun qed tibda fl-10am.

Fenech qed ikun akkużat b’kompliċita fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-kumpilazzjoni kellha titwaqqaf minħabba li l-Qorti kellha tagħlaq il-bibien tagħha kawża tal-pandemija tal-coronavirus.

L-aħħar smigħ tax-xhieda kien sar fl-20 ta’ Frar ta’ din is-sena. Dakinhar il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech. Intant kien ikkonfermat li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru fi żmien Joseph Muscat, Keith Schembri kien se jkun qed jixhed fis-seduta ta’ wara.

Wara din is-seduta, kienu ġew skedati żewġ seduti oħrajn, waħda fis-27 ta’ Marzu f’nofsinhar u oħra fit-2 ta’ April fil-11am. Minkejja dan, il-Qorti ntalbet tagħlaq il-bibien tagħha mis-16 ta’ Marzu ‘l quddiem u b’hekk il-kumpilazzjoni tax-xhieda kellha titwaqqaf ħesrem.

F’kumpilazzjoni separata qed jitressqu l-Qorti wkoll tliet persuni oħrajn akkużati li wettqu l-qtil tal-ġurnalista. Dawn huma l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti s’issa, permezz tax-xhieda tas-sensar tal-assassinju, Melvin Theuma, Fenech allegatament ħallas lit-tliet aħwa €250,000 biex iwettqu l-qtil. Il-ġurnalista kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

In-negozjant Yorgen Fenech talab lill-Qorti Kostituzzjonali biex tiddikjara li l-arrest tiegħu qed jikser id-drittijiet tiegħu kif imħarsa mill-Kostituzzjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Huwa qed jagħmel ir-rikors tiegħu kontra l-Avukat tal-Istat u kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Intant, mal-wasla ta’ din it-talba kienet qamet kontroversja oħra hekk kif fil-lista tal-avukati tad-difiża żdied l-isem ta’ Charles Mercieca, li propju sa ġurnata qabel ma deher jirrappreżenta lil Fenech, kien qed jaħdem fl-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

Sorsi legali li kienu tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li kienu sorpriżi b’dan, għax fi kliemhom, Mercieca jista’ jkun li għandu informazzjoni privileġġata dwar il-każ tal-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia.