“Il-kumpens għal proprjetà fil-Belt kien regolari” – Michael Falzon

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Michael Falzon qal li l-proċess li bih in-negozjant Marco Gaffarena ngħata kumpens ta’ €1.65 miljun għal esproprijazzjoni ta’ proprjetà fil-Belt Valletta, kien kompletament regolari.
Gaffarena tħallas €822,500 flus kontanti kif ukoll b’artijiet, għal nofs proprjetà fi Triq Zekka, li kien xtara fis-26 ta’ Frar li għadda għal kważi €140,000.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Michael Falzon insista li ma kienx hemm indħil politiku fil-każ. Spjega li ġew segwiti l-proċeduri legali, u l-ammont li ngħata Gaffarena kien ibbażat fuq stima li saret minn diversi periti.
Saħaq li l-proċess kien trasparenti, u li l-Gvern mhux se jinvestiga għax ma sar l-ebda att kriminali.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-uniku raġuni li l-kumpens għall-esproprijazzjoni spiċċa fl-aħbarijiet, kien minħabba l-kunjom tal-familja inkwistjoni.
Il-proprjetà bħalissa qed tintuża bħala uffiċini tal-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini.
Il-familja Gaffarena, kienet fiċ-ċentru ta’ kontroverżja dwar il-pompa tal-petrol f’Ħal Qormi li nbniet b’mod illegali. Il-pompa nżammet magħluqa għal xhur sħaħ, u wara li nbidel il-Gvern ibbenefikat minn policy ġdida tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u bdiet topera.