“Il-kumpanija ta’ Konrad Mizzi tista’ taffettwa l-postijiet tax-xogħol”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Unjin Ħaddiema Magħqudin Josef Vella qal li s-sitwazzjoni li nħolqot fil-pajjiż bl-iskandlu ta’ kumpaniji fil-Panama fosthom mill-Ministru Konrad Mizzi, jista’ jkollha impatt fuq l-ekonomija u l-postijiet tax-xogħol.
"Xenarju li qed iħalli effett negattiv fuq l-ekonomija"
Waqt il-programm Għandi xi Ngħid fuq Radju Malta, Josef Vella qal li hu minnu li l-politika f’Malta saret qisha soap opera, iżda insista li dan ix-xenarju qed iħalli effett negattiv fuq l-ekonomija.
"Deċiżjoni ta' mexxej aħjar tittieħed f'ġurnata milli tieħu jumejn"
Saħaq li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ ma jiħux deċiżjoni u fakkru li deċiżjoni ta’ mexxej, aħjar tittieħed f’ġurnata milli f’jumejn.
Vella sostna li l-liġi hi fuq kulħadd u li m’hawn ħadd fuq il-liġi. Insista li l-ġustizzja trid issir ma’ kulħadd.
Qal kif dalwaqt nibdew nisimgħu li dan l-iskandlu ħalla l-frott għax Malta ixxandret mal-erbat irjieħ tad-dinja.
Il-Kap Eżekuttiv saħaq li l-messaġġ tal-unjin hu “Ieqfu u tilagħbux!”
"Ħassejna li kellna mmorru għall-protesta nazzjonali…qabel ikun tard wisq"
Dwar il-parteċipazzjoni tiegħu u ta’ diriġenti oħra tal-UĦM fil-protesta nazzjonali organizzata mill-Partit Nazzjonalista, Josef Vella wieġeb li ħass li kellhom jattendu għax ma jixtiqux jagħmlu bħal sħabhom fil-Greċja, li jinżlu fit-toroq jipprotestaw meta jkun tard wisq.
"Laburisti membri fil-UĦM inkwetati dwar messaġġi ambigwi"
Semma kif hemm laburisti membri fil-UĦM li huma wkoll inkwetati dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż, b’mod partikolari dwar il-messaġġ li qed jasal għand il-poplu: li lill-ħaddiem tinqatagħlu t-taxxa qabel tasallu l-paga, filwaqt li ta’ fuq jistgħu jagħmlu li jridu, anzi jivvintawlhom liġijiet biex jekk iridu jevadu t-taxxa billi jmorru l-Panama. Sostna li din mhix aċċettabbli.
Mistoqsi dwar ritratt li ħa ma’ deputat Nazzjonalista, Vella spjega li meta waslu għall-protesta ltaqgħu ma’ Toni Bezzina, li hu l-perit tal-unjin, u li ħadulhom ritratt.
"Il-politiċi jridu jitgħallmu lezzjoni, li dak li jagħmlu huma jħalli impatt ukoll"
Sostna li l-politiċi jridu jitgħallmu l-lezzjoni, li dak li jagħmlu huma mhux kollu tajjeb u jħalli impatt ukoll. Fakkar kif meta t-trejdunjonisti kienu jirrikorru għal azzjonijiet industrijali kbar, il-gvernijiet kienu jgħidulhom biex ma jagħmluhomx għax ikissru l-ekonomija.