Il-kritika dwar il-meritokrazija tisfuma bil-kuntratti lill-kumpanija ta’ Busuttil – PL

Il-Partit Laburista qal li l-kumpanija ta’ Simon Busuttil ħadet mijiet t’eluf ta’ ewro f’direct orders minn diversi ministeri tal-Gvern matul l-amministrazzjoni preċedenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret llum wara nofsinhar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li €1.1 miljun ingħataw fiż-żmien li Dr Busuttil kien membru ewro-parlamentari u wara anke Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u hemm id-dubji jekk ingħatawx fuq bażi ta' kompetenza.
Dan wara li aktar kmieni llum, Dr Simon Busuttil qal lill-Prim Ministru sabiex jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga.
Is-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici qal li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jippunta subgħajh lejn il-Partit Laburista meta l-Gvern ħatar diversi nies f’karigi li ma kienux ġejjin mill-Partit Laburista.
B’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista qal li Dr Joseph Muscat qed jagħżel li jkompli jipprova jħammeġ minflok jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga.
Fi stqarrija, intqal li t-tfigħ tat-tajn, it-tgħawwiġ tal-fatti u n-negattività ta’ Dr Muscat u l-Partit Laburista m’għandhomx limitu.
Intqal li l-Prim Ministru għandu jagħżel li jilqa’ l-isfida tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sabiex il-Kummissarju tal-Pulizija jintalab jinvestiga.
Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li Dr Muscat sar l-ewwel Prim Ministru li qed jikri l-karozza tiegħu lilu nnifsu biex idaħħal €35,000 oħra għalih.
Intqal li l-Prim Ministru għadu ma tax spjegazzjoni dwar il-paga tal-ħabiba ta’ martu kif ukoll dwar il-paga tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi.