Il-kumpanija Microsoft tingħata multa ta’ €561 miljun

Il-kumpanija Microsoft ingħatat multa ta’ €561 miljun talli m’offrietx għażla ta’ diversi ‘web browsers’, imma rriklamat biss l-Internet Explorer.

Il-każ beda sitt snin ilu, meta l-web browser Norveġiż ‘Opera’ ilmenta li Microsoft kienet qed tiddomina s-suq b’mod illegali.

Wara investigazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, f’Marzu tal-2010 Microsoft introduċiet il-kunċett ta’ għażla għal dawk li jużaw il-kompjuters li għandhom is-sistema Microsoft. Iżda l-kumpanija Amerikana neħħiet din l-istess għażla wara li aġġornat is-sistema tagħha fi Frar 2011. Microsoft qalet li dan kien biss żball tekniku, iżda l-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni Ġusta Joaquin Almunia qal li azzjoni bħal din tista’ tħajjar lil kumpaniji oħra jagħmlu l-istess.

Il-Kummisjoni setgħat immultat lill-Microsoft sa 10% tad-dħul annwali. Jekk wieħed iqis ir-rapport tal-kumpanija għas-sena li għaddiet, is-somma kienet tlaħħaq il-€ 5.7 biljun.